Ġuvni ta’ 23 sena ta’ nazzjonalità Norveġiża u bħalissa residenti Ħal Qormi jinsab f’qagħda kritika.
Għall-ħabta tat-8.30am, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha u dik medika fi Triq San Edwardu peress li kien hemm persuna li sofriet ġrieħi serji. Hekk kif il-Pulizija marret fuq il-post indikat, innutat li l-vittma kien mixħut fuq bankina fejn allegatament kien għadu kif waqa’ minn gallarija ta’ appartament.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-ġuvni l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Galea LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.