Aġġornament
Sadanittant il-Pulizija kkonfermat li Ġużeppi Vella li jinsab maġenb Azzopardi fuq il-bank qiegħed f’qagħda kritika u ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt. Min-naħa l-oħra s-sewwieq ta’ 17-il sena jidher li sofra ġrieħi ħfief u baqa’ jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħrarriġ. Qed ikun allegat li ż-żagħżugħ ħa l-karozza mingħajr il-permess tal-ġenituri.
L-operazzjoni biex jinħareġ il-kadavru ta’ Azzopardi minn taħt it-tifrik ħadet aktar minn erba’ sigħat. Il-Maġistrat Inkwerenti, Dr Carol Peralta, mexxa l-aċċess fuq il-post tat-traġedja fejn ħatar lill-Perit Richard Aquilina, lit-Tabib Forensiku Mario Scerri, lit-Tekinku Joseph Zammit u lil Juliana Scerri Ferrante bħala esperti tal-Qorti.
Il-qraba tal-vittma, fosthom ibnu u ħutu segwew il-ħidma tal-Pulizija u l-esperti. Madwar tliet sigħat wara li seħħ l-inċident inġieb krejn u forklifter mingħand kumpanija privata. Bl-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili mmexxijin mill-uffiċjal James Newell, tneħħa s-saqaf tal-konkrit li spiċċa fuq il-karozza Toyota Tercel. Wara li permezz tal-forklifter ġiet mgħollija 'l fuq il-karozza.
Kien hawn li l-esperti u l-Pulizija tal-Fotografija setgħu jaraw sew kif spiċċa mgħaffeġ Azzopardi bejn il-karozza u l-ħajt. Sakemm tlesta kollox u l-kadavru tpoġġa fil-vann tal-mejtin tal-Pulizija kienu saru s-2.35pm u għalhekk erba’ sigħat mindu seħħ l-inċident.
Fuq il-post marru s-Supretendent Carmelo Bartolo flimkien mal-Ispettur Edel Mary Camilleri u s-Surġenti Janice Giordimaina u Graziella Camilleri tad-Distrett.
Aktar kmieni:
Anzjan ta' 66 sena mill-Imtarfa, Patist Azzopardi safa vittma ta' inċident tat-traffiku waqt li kien qiegħed fuq il-bank tal-istejġ tal-linja fi Triq l-Imtarfa, l-Imtarfa.
Toyota Tercel bajda, misjuqa minn żagħżugħ bla liċenzja ta' 17-il sena min-Naxxar, kienet ġejja mill-Imtarfa u tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla fuq l-istejġ fejn kien hemm l-anzjan fejn ta' sikwit kien iħobb jiltaqa' ma' sħabu u jgħidu kelmtejn. L-anzjan ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Maġenbu fuq il-bank kien hemm anzjan ieħor, Ġużeppi Vella ta' 62 sena li jiġi ħatnu, li safa mweġġa' wkoll u ttieħed l-isptar immedjatament għall-kura flimkien max-xufier li rnexxielu joħroġ mit-tifrik wara li l-istejġ tal-ġebel waqa' fuq in-naħa tal-passiġġier tal-karozza. Rapporti għadhom kif qalulna li l-anzjan ta' 62 jinsab ukoll f'qagħda kritika.
L-istejġ tal-linja jinsab eżatt faċċata tad-dar ta' Azzopardi.
Se tinfetaħ inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Carol Peralta.