Il-Pulizija qed tinvestiga feriment li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu fejn iddaħħal l-Isptar Mater Dei isofri minn daqqa ta’ strument bil-ponta.
Għall-ħabta tat-3am il-Pulizija ġew informati li f’residenza fi Triq l-Inkurunazzjoni f’Bormla kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom peress li kien hemm raġel ta’ madwar 30 sena li kien ferut.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Arthur Rizzo fejn fil-post indikat sabu sid il-post, raġel ta’ madwar 60 sena u raġel ieħor ta’ madwar 40 sena t-tnejn minn Bormla.
Qed ikun allegat li r-raġel ta’ 40 sena u l-ieħor ta' 30 sena kellhom argument bejniethom u dan tal-aħħar safa ferut x’aktarx b’daqqa ta’ mus f'sidru. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn qiegħed jingħata l-kura medika. Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa għalkemm jidher li mhux fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġie informat il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Carol Peralta, li ordna inkjesta u ħatar diversi esperti flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.
L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Josric Mifsud tad-Distrett u l-Ispettur Saviour Baldacchino mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.