Raġel ta’ 54 sena mill-Qrendi jista’ jgħoddha b’waħda wara li ħabat ma’ ċint bil-karozza u spiċċa f’għalqa. Għalkemm huwa sofra ġrieħi gravi il-kundizzjoni tiegħu hija stabbli u mhux fil-periklu tal-mewt.
L-inċident seħħ tard it-Tnejn filgħaxija meta raġel kien għadu kif telaq minn wieħed mill-każini fil-Qrendi u kien sejjer lura d-dar. Qed ikun allegat li r-raġel seta’ xorob xi ftit u kif kien qed isuq fi Triq il-Biżantini fil-Qrendi stess, huwa ma ndunax li kien hemm ċint b’konsegwenza li baqa’ dieħel fih u spiċċa bil-karozza b’kollox f’għalqa.
Għall-ħabta tas-1am żewġ nisa li kienu għaddejjin mill-istess triq innuttaw lir-raġel mitluq fl-għalqa u ċemplu għall-ajjut. Fuq il-post marret ambulanza b’infermiera u kif ir-raġel ittella’ mill-għalqa, l-istess nisa ndunaw li l-vittma huwa qarib tagħhom.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi u għalkemm għal xi ħin kien maħsub li seta’ kien fil-periklu tal-mewt, huwa ddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva iżda ftit wara saħħtu ġiet għal waħda stabbli.
L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Kevin Pulis tad-Distrett.