L-atleta tal-Olimpjadi u Paraolimpjadi mill-Afrika t'Isfel, Oscar Pistorius, weħel ħames snin wara li nstab ħati tal-omiċidju tat-tfajla tiegħu, il-mudella Reeva Steenkamp. Wara iktar aġġornamenti jidher li Pistorius se jqatta' biss 10 xhur fil-ħabs, u l-kumplament se jkun qiegħed miżmum f'daru stess.
L-atleta żamm idejn uħud mill-familjari tiegħu hekk kif ittieħed fiċ-ċelel fil-Qorti fi Pretoria, il-kapitali tal-Afrika t'Isfel.
L-atleta kien akkużat li qatel lil Reeva ta' 29 sena billi sparala erba' darbiet mis-serratura tal-bieb tal-kamra tal-banju nhar San Valentinu s-sena l-oħra. L-Imħallef Thokozile Masipa qalet li "Għalkemm ma setgħux jingħataw provi jekk Pistorius ried joqtol lit-tfajla jew le, xorta waħda uża atteġġjament li ħoloq periklu għat-tfajla li wassal biex joqtolha."
Il-ġenituri tat-tfajla, Barry u June Steenkamp approvaw din is-sentenza mogħtija lil Pistorius.
Fi żmien sitt sigħat wara l-wasla tiegħu fil-ħabs, Pistorius se jkun eżaminat fl-isptar tal-ħabs biex jiġi deċiż f'liema naħa tal-ħabs se jitqiegħed, minħabba d-diżabbiltà li għandu.