Mara barranija, x'aktarx mid-Danimarka ta' madwar 33 sena, tinsab fil-periklu tal-mewt kawża tal-ġrieħi li sofriet meta kienet involuta f’inċident tat-traffiku fil-Belt tard it-Tnejn filgħaxija.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.15pm fi Triq l-Assedju l-Kbir, jew kif inhi magħrufa bħala t-triq tal-Lukanda Excelsior, meta t-tfajla kienet riekba fuq mutur LML misjuq minn Jyrki Juhani Sinisalo ta’ 46 sena wkoll ta' nazzjonalità Daniża.
Dak il-ħin il-mutur kien qed jinsaq fid-direzzjoni tal-Furjana u kif wasal f’liwja mar fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Fl-istess ħin mid-direzzjoni opposta kienet ġejja karozza Mercedes Benz li hija taxi misjuqa minn Chris Borg ta’ 50 sena minn Ħal Luqa li kien se jmur jiġbor klijenti mill-Belt stess.
Kif is-sewwieq tat-taxi ra l-mutur ġej għal fuqu, jidher li pprova jevitah, iżda l-mutur xorta waħda baqa’ dieħel fuq quddiem tal-Mercedes.
Mad-daqqa l-mara u Sinisalo spiċċaw jinbeżqu minn fuq il-mutur u tkaxkru għal diversi metri u spiċċaw ma' l-ilqugħ tal-ħadid. Il-mara sofriet ġrieħi gravi l-aktar f’riġlejha. Fuq il-post issejħet ambulanza b’infermiera kif ukoll Dr Jonathan Joslin u Dr Michael Spiteri li taw l-ewwel għajnuna medika lil dawk feruti u ħaduhom l-Isptar Mater Dei fejn il-mara ġiet iċċertifikata li tinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġie informat il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Carol Peralta, li ordna inkjesta u ħatar diversi esperti tal-Qorti fosthom lill-Prokuratur Legali Mario Buttigieg, lill-Perit Valerio Schembri u lill-Avukat Anthony Cutajar flimkien mal-Pulizija tal-Fotografija. L-istħarriġ qed jitmexxa mill-Ispettur Darryl Borg u s-Surġent Alison Formosa mill-Għassa tal-Belt.