Jinstab kadavru fil-Wied ta' Ħal Qormi. Video John Pisani
Aktar kmieni llum waranofsinhar għall-ħabta tal-3.45 p.m. il-Pulizija ġew informati li f’Wied iċ-Ċawsli li jinsab bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa, kien hemm oġġett suspettuż li x’aktarx kien kadavru uman.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxjin mill-Ispettur Pierre Micallef Grimaud u s-Surġent Joe Vella kif ukoll mill-Ispettur Keith Arnaud mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.
Il-kadavru nstab kważi taħt il-pont wiċċu ’l isfel qalb il-ħaxix u kien fi stat avvanzat ta’ dikompożizzjoni. Għaldaqstant intalbet l-assistenza tal-ħaddiema mill-kamra mortwarja.
Minħabba l-istat avvanzat ħafna ta’ dikompożizzjoni ma kienx faċli għall-Pulizija biex jiddentifikaw il-kadavru, imma mhux qed ikun eskluż li dan huwa ta’ Francis Cauchi ta’ 54 sena minn Bormla, li kien irrappurtat nieqes fil-11 ta’ Settembru li għadda u dan minħabba li l-kadavru kellu fuq flokk aħmar. L-aħħar darba li Cauchi deher ħaj kien liebes flokk aħmar.
Fuq il-post mar ukoll it-Tabib Forensiku Mario Scerri li nħatar fost esperti oħrajn mill-Maġistrat Dr Giovanni Grixti. Meta l-kadavru nqaleb wiċċu ’l fuq ir-riħa tinten setgħet tinxtamm sew mit-triq. L-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat innuttaw li kien hemm ċavetta mdendla m’għonq il-kadavru. Din iċ-ċavetta tista’ titfa’ dawl jekk il-kadavru huwiex ta’ Cauchi għalkemm il-Pulizija se jkunu qed jistennew ir-riżultat tal-awtopsja u dak tad-DNA.
Il-kadavru ttieħed il-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei bil-hearse tal-Pulizija fejn għada mistennija ssir l-awtopsja li minnha jista’ jkun determinat ukoll jekk Cauchi sofriex xi vjolenza.