Jinqatel missier ta’ ħamest itfal fl-Imsida

Il-qattiel spara minn wara l-ħadid ta’ kulleġġ

Oscar Seguna kien ma’ tfajla ta’ 16-il sena meta nqatel
Oscar Seguna kien ma’ tfajla ta’ 16-il sena meta nqatel
Triq Qrajten fejn kien joqgħod il-vittma
Triq Qrajten fejn kien joqgħod il-vittma

Oscar Seguna kellu 45 sena, missier ta’ ħamest itfal, residenti l-Imsida, inqatel kantuniera ’l bogħod minn fejn kien joqgħod fl-Imsida stess.

Kien tard nhar l-Erbgħa, 30 ta’ Settembru 1992 li Seguna nqatel b’tiri ta’ senter hekk kif kien se jidħol fil-vann tiegħu fejn kien hemm tfajla ta’ 16-il sena testennieh. Il-qattiel kien mistoħbi wara ċ-ċint u l-ħadid li jifirdu l-kulleġġ mit-triq f’dak li kien magħruf bħala l-Polytechnic u li llum huwa l-G.F. Abela Junior College fl-Imsida. 

Għalkemm għaddew 22 sena mindu seħħ dan il-qtil, il-Pulizija mill-Iskwadra tal-Omiċidji jemmnu li jistgħu jaslu għal min qatel lil Seguna, li kellu l-laqam “il-Wajju.”

Tfajla kienet qed tistenna lill-vittma

Min kien jaf sew lill-vittma kien jiddeskrivi lil Seguna bħala bniedem nervuż u malajr jitlef it-tempra, iżda l-investigaturi ta’ dak iż-żmien eskludew il-fatt li Seguna nqatel għax sempliċiment kellu xi argument sħun ma’ xi ħadd, imma s-suspetti kienu li dan seta’ kien aktar qtil ta’ vendetta u bil-probabilità li kienet vendetta familjari.

Dakinhar Seguna wasal id-dar għall-ħabta tal-9.45pm, iżda minflok ma pparkja l-vann Transit abjad quddiem id-dar tiegħu fi Triq Qrajten bħalma kien jagħmel ta’ spiss, huwa ħalla l-vann ipparkjat parti minnu fuq il-bankina wara l-kantuniera fi Triq Ġużeppi Borg li tinsab fuq wara tal-kulleġġ. 

Fil-vann kien hemm ċertu Maria Rosaria, tfajla ta’ 16-il sena, tistennih u x’aktarx li kien għalhekk li huwa ma waqafx bil-vann fit-triq fejn kien joqgħod.

Mhux magħruf jekk dakinhar Seguna kellux xi argument ma’ xi ħadd tal-familja, iżda ftit inqas minn 15-il minuta wara reġa’ ħareġ mid-dar wara li nħasel malajr u ħa kikkra té, skont dak li kienet qalet martu.

Kif wasal qrib il-vann huwa nstema’ jsejjaħ lil Maria Rosaria biex tiftaħlu l-bieba tal-vann iżda qabel leħaq daħal fil-vann instemgħu żewġ tiri ta’ senter li laqtu lil Seguna fuq wara ta’ rasu u niżel mejjet fuq il-bankina ħdejn il-vann. B’xorti tajba Maria Rosaria ma ntlaqtitx imma ċċappset bid-demm ta’ Seguna.

Kif it-tfajla rat lil Oscar fl-art f’għadira demm inħakmet minn paniku kbir, ħarġet mill-vann u bdiet twerżaq u tgħajjat għall-ajjut.

Il-qattiel ma kienx ’il bogħod minn Seguna tant li mat-tiri partijiet minn moħħu spiċċaw fuq in-naħa l-oħra tat-triq.

Ħarab mill-kumpless u ma deherx aktar

Għalkemm kien l-10pm, fil-kumpless kien għad hemm xi studenti li kienu għadhom kif spiċċaw minn attivitajiet sportivi. Dak iż-żmien il-gym tal-kulleġġ kien jintuża wkoll għal-logħob tal-basketball.

Minkejja li l-ħoss tal-isparaturi nstemgħu minn diversi metri ’l bogħod minn fejn seħħ id-delitt u fl-istess ħin kien hemm xi studenti ħerġin mill-kumpless, kien hemm minnhom li ma raw xejn. Min-naħa l-oħra jista’ jkun li kien hemm min ra lill-qattiel iżda billi tħallat magħhom huma u ħerġin u x’aktarx bl-arma moħbija, ħadd ma ta ebda kas. Kien hemm min qal lill-Pulizija li ra lil xi ħadd jiġri fil-kumpless u deher li kien qed iġorr senter f’idejh imma sa dak il-ħin ma kinux konxji ta’ dak li kien seħħ. Saħansitra kien hemm min qal ukoll li l-istess persuna dehret ħierġa bil-kalma kollha u mexa ma’ xi studenti li dak il-ħin kienu mixjin biex joħorġu mill-kumpless.

“It-tifel mar jiġri biex jara x’kien ġralu missieru, iżda minflok sab lil missieru b’ħass ħażin, sab xena ferm differenti. Missieru kien mejjet fl-art f’għadira demm biswit il-vann tiegħu”

Iben Seguna jmur fuq il-post

L-għajjat esteriku tat-tfajla ġibed l-attenzjoni ta’ xi persuni, fosthom raġel li kien jaf sew lil Oscar Seguna. Kif resaq lejh huwa għarfu mill-ewwel minkejja l-ferita gravi f’rasu. Għaldaqstant dan ir-raġel mar id-dar tal-familja Seguna biex jinfurmahom. Huwa mifhum li biex ma jgħatihomx xokk bit-traġedja li kienet seħħet, kien kellem wieħed minn ulied il-vittma li kellu 13-il sena u qallu li missieru kien ħassu ħażin u kien mitluq fl-art ħdejn il-vann. 

It-tifel mar jiġri biex jara x’kien ġralu missieru, iżda minflok sab lill-missieru b’ħass ħażin, sab xena ferm differenti. Missieru kien mejjet fl-art f’għadira demm biswit il-vann tiegħu. 

L-ambulanza b’tim mediku waslet fi ftit minuti mill-Isptar San Luqa iżda t-tim mediku ma seta’ jagħmel xejn ħlief li jsejjaħ lill-Pulizija u jinfurmahom li kien hemm raġel maqtul.

Suspett fuq qtil ieħor li seħħ f’Jannar

Qtil simili bħal dan kien seħħ fil-15 ta’ Jannar tal-istess sena meta Victor Gauci nqatel b’tiri sparati minn wara hekk kif wasal fir-residenza tiegħu fi Triq l-Antinni fil-Mosta. Fil-fatt għall-ewwel l-investigaturi ssuspettaw li ż-żewġ vittmi seta’ kellhom xi konnessjoni bejniethom, iżda din it-teżi kienet eliminata.

Fuq il-post tar-reat fejn inqatel Seguna marru diversi Pulizija kemm dawk tad-Distrett kif ukoll mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. 

Il-Pulizija kienu kellmu numru ta’ studenti u persuni oħrajn. Il-Pulizija kienu ngħataw deskrizzjoni tas-suspettat imma mhux biżżejjed biex il-qattiel ikun magħruf.

B’din l-informazzjoni l-investigaturi jemmnu li l-qattiel kien żagħżugħ u kien għalhekk li dawk li rawh fl-inħawi tal-kulleġġ għalihom kien normali u ma qajjem l-ebda suspett. 

Minkejja li ġew murija ritratti ta’ xi suspettati, ħadd ma kien għaraf lill-persuna li wettaq id-delitt.

Il-Pulizija għalqu Triq Ġużeppi Borg kemm għat-traffiku kif ukoll għan-nies biex ix-xena tar-reat tkun priservata. Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Joseph Apap Bologna, mexxa l-aċċess fuq il-post u ħatar diversi esperti tal-Qorti fosthom lill-Perit Richard Aquilina u lill-Brigadier Maurice Calleja li huwa espert ballistiku. 

Peress li l-Pulizija riedu jiflu sew ix-xena, it-triq inżammet magħluqa matul il-lejl kollu u anke l-għada filgħodu fejn l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat reġgħu marru fuq il-post biex ikomplu jiġbru kull traċċa li setgħu jsibu.

Fost l-oġġetti li kienu elevati minn fuq ix-xena tal-qtil, il-Pulizija sabu partijiet minn moħħ Seguna fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Instabu wkoll xi ċomb fit-tyre tal-vann u żewġ skrataċċ, iżda l-arma baqgħet qatt ma nstabet.

Tkellimt ma’ raġel li joqgħod fl-inħawi u qalli li jiftakar sew fejn kien wieqaf il-vann ta’ Seguna u li kien nofsu fuq il-bankina. 

“Ftit qabel għaddejt eżatt minn ħdejn il-vann għax jien noqgħod hawn wara. Kif dħalt id-dar smajt żewġ tiri. Meta aktar tard sirt naf li kienu qatlu lil Oscar, għidt lill-mara li kieku ttardjajt b’żewġ minuti stajt anke ġejt milqut,” qalli dan ir-raġel. 

Vendetta familjari

Wara jiem sħaħ ta’ investigazzjoni intensiva, l-investigaturi kienu ħasbu li se jaslu għall-qattiel. Wara li eliminaw teżi wara l-oħra u mottiv wara l-ieħor, l-aktar li setgħu jaslu kien li dan il-qtil kellu riħa qawwija ta’ vendetta familjari. 

Kienet ovvja li l-Pulizija kellmu fit-tul lit-tfajla Maria Rosaria, kemm għax kienet hi l-aktar waħda qrib ix-xena tar-reat u li rat kollox iseħħ quddiem għajnejha, kif ukoll għax ftit tal-ħin qabel kienet fil-kumpanija tal-vittma.

Minħabba l-fatt li l-Pulizija kienu ssuspettaw li Seguna nqatel minħabba vendetta jew rabja għal xi ħaġa li seta’ għamel, kienu ġew interrogati fit-tul uħud mill-membri tal-familja tiegħu u persuni li kienu jafu sew lil Oscar Seguna.

Tfittxija għall-arma

Mill-iskrataċċ li sabu qrib ix-xena tar-reat, il-Pulizija kienu stabilixxew li l-arma li ntużat kienet senter awtomatiku.

Għalkemm Maria Rosaria qatt ma kienet fost il-persuni suspettati, il-Pulizija kienu għamlu tfittxija fid-dar tal-familja tagħha fejn sabu xi snieter. Dawn ittieħdu mill-Pulizija u meta saru l-eżamijiet ballistiċi fuqhom irriżulta li ma kinux l-arma li ntużat fid-delitt.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka