M’hemmx għalfejn tkun bniedem mekkaniku jew espert fil-karozzi biex tinduna li ż-żewġ vetturi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom żewġ tobba tal-emerġenza biex jirrispondu fuq każi ta’ emerġenza, huma vetturi antiki u mhux siguri.
Iż-żewġ vetturi jaqgħu taħt ir-resonsabbilità tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u huma tal-marka Vauxhall u Daewoo. Qabel dawn kienu magħrufin bħala l-Emergency Response Team (ERT).
Huwa mifhum li dawn għandhom aktar minn 150,000 mil, jew madwar 240,400 kilometru. Dan ifisser li qisek dort sitt darbiet maċ-ċirkonferenza tad-dinja li dawra waħda mal-ekwatur hija ta’ 40,075 kilometru.
Mekkaniku tal-karozzi stqarr magħna li kwalunkwe vettura b’dak l-ammont ta’ kilometri fuqha ma tkunx tajba għat-triq sakemm ma tkunx xi karozza klassika li tintuża għall-wiri u mhux fuq emerġenza fejn anke nofs minuta tista’ tfisser ħajja jew mewt. Dan biex ma ssemmux is-sigurtà tat-tobba li jissugraw ħajjithom ukoll, qalilna l-mekkaniku.
L-istess sors qalilna wkoll li probabbiltà hija li dawn iż-żewġ vetturi ma jgħaddux mill-VRT minħabba diversi nuqqasijiet li jista’ għandhom kemm għax għadda żmien minn fuqhom, minħabba l-ammont ta’ kilometri u t-tip ta’ użu.
Dawn iż-żewġ vetturi huma importanti li jkunu fi stat tajjeb ta’ sewqan bħal kull vettura oħra ta’ emerġenza bħalma huma l-ambulanzi, tal-pulizija u l-kumplament tal-inġenji tal-Protezzjoni Ċivili.