Isabela Kinga Poniedzialek ta’ 18-il sena mill-Polonja, instabet mejta kmieni dalgħodu fil-kamra tagħha fil-Lukanda Plevna f’Tas-Sliema. Għalkemm s’issa kollox qed jindika li t-tfajla mietet b’kawża naturali, il-Pulizija mhi teskludi xejn u se tkun qed tistenna r-riżultati tal-awtopsja u dawk tossikoloġiċi.
Poniedzialek ilha Malta madwar tliet ġimgħat fejn kienet qed tistudja fil-qasam tat-turiżmu. Huwa mifhum li dawn l-aħħar jiem kienet qed tħossha ma tiflaħx tant li qed jingħad li lanqas attendiet għal-lezzjonijiet.
Kmieni dalgħodu meta wasal it-trasport biex jiġbruha mil-lukanda biex tittieħed lejn il-Lukanda Imperial fejn qed tingħata t-taħriġ, it-tfajla ma niżlitx. Għaldaqstant il-‘group leader’ tagħha marret u ħabtet il-bieb tal-kamra u meta ma kien hemm l-ebda risposta, hija fetħet il-bieb u sabet lil Poniedzialek mingħajr sinjali ta’ ħajja.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxjin mill-Ispettur Jonathan Ransley u s-Surġent David Sant. Il-Pulizija ma sabu l-ebda taqlib, sgass jew sinjali ta’ vjolenza u peress li t-tfajla kienet ma tiflaħx jidher li hija mietet b’kawża naturali.
Il-kadavru tal-Pollakka ttieħed il-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei fejn għada mistennija ssir l-awtopsja. Il-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit ġiet informata u ordnat inkjesta u ħatret l-esperti tal-Qorti fosthom lit-Tabib Forensiku Mario Scerri.
Il-familja tat-tfajla ġew informata b’din l-aħbar kerha.