Il-koppja qed jiġu mixlija li serqu l-bott biċ-ċenteżmi u mhux b'attentat ta' serqa. B'hekk huma mistennija jitressqu l-qorti.
Ilbieraħ
Sid banka tal-lottu kien pront u għafas il-buttuna tal-alarm meta raġel u mara daħlu fil-banka tiegħu u ppruvaw jisirqu l-bott tal-karità.
Il-każ seħħ aktar kmieni llum waranofsinhar meta r-raġel u l-kompliċi tiegħu daħlu fil-banka tal-lottu li tinsab fi Vjal il-Ħelsien f’Ħaż-Żebbuġ u ħatfu l-bott li kellu xi flus għall-missjoni. X’aktarx li fil-bott li kien hemm ftit ċenteżmi.
Kif sid il-banka għafas l-alarm, il-Pulizija ġew informati u f’inqas minn 20 minuta l-Pulizija mill-Iskwadra tal-RIU waslu fuq il-post fejn ingħataw ukoll deskrizzjoni taż-żewġ allegat ħallelin.
Kif il-koppja ndunaw bil-preżenza tal-Pulizija sseparaw u marru f’direzzjonijiet opposti. L-istess Pulizija arrestaw lir-raġel li kien fil-viċinanzi filwaqt li l-mara nżammet meta kienet qrib il-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ stess.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ fejn huwa mifhum li kemm ir-raġel kif ukoll il-mara huma t-tnejn magħrufin mal-Pulizija.