L-istudenta Pollakka mietet infettata u staġnata

L-ewwel riżultati tal-awtopsja jindikaw li l-kawża hija staġnar li kkawża infezzjoni

Għalkemm għadha qed tkun meqjusa bħala mewt naturali dik ta’ Isabela Kinga Poniedzialek ta’ 18-il sena mill-Polonja li lbieraħ instabet mejta f’kamra f’lukanda f’Tas-Sliema, il-patoloġisti u l-esperti tal-Qorti se jistennew aktar riżultati mediċi qabel ma l-kadavru jkun jista’ jintbagħat lejn pajjiżha għad-difna.

Sorsi qrib l-Isptar Mater Dei qalu lil illum.com.mt li meta dalgħodu saret l-awtopsja fuq il-katavru l-ewwel riżultati ħarġu li l-istudenta kellha staġnar li kkawża infezzjoni fl-istonku tagħha. Meta nstabet mejta żaqqha kienet minfuħa tant li kien hemm suspett li setgħet kienet qiegħda tistenna tarbija. Qed jingħad li Poniedzialek għamlet xi jiem ma tippurgax sew tant li staġnat. Għaldaqstant qegħdin jistennew riżultati tal-infezzjoni.

Huwa mifhum li meta t-tfajla lmentat dwar l-uġiegħ li kellha u riedu li jieħduha l-Isptar Mater Dei biex tkun eżaminata, hija rrifjutat għax ħasbet li kulma seta’ kellha kienet uġiegħ ta’ żaqq.

Poniedzialek kienet Malta biex tistudja fil-qasam turistiku b’mod speċjali fil-catering. Fl-istess kamra fejn kienet alloġjata fil-Lukanda Plevna f’Tas-Sliema, kien hemm żewġ studenti oħrajn. Ilbieraħ filgħodu ż-żewġt iħbieb tagħha qamu ftit wara s-7am u niżlu jieħdu l-kolazzjon, iżda Poniedzialek baqgħet ma tfaċċatx. Għaldaqstant waħda minnhom reġgħet marret fil-kamra tagħha biex tara x’kien ġaralha. Wara li ħabtet diversi drabi u ma rrisponditx sejħet għall-assistenza u magħha marret il-group leader u waħda mill-impjegati tal-lukanda biex ikunu jistgħu jiftħu l-bieb tal-kamra, iżda kull tentattiv falla.

Kien hawn li l-istudenta l-oħra u l-leader, daħlu mill-gallarija fejn sabu lil Isabela Kinga Poniedzialek mitluqa fl-art bilqiegħda b’daharha mal-bieb tal-kamra.

Huma ppruvaw jagħtuha l-ewwel għajnuna medika permezz tan-nifs artifiċjali u messaġġi fuq qalbha sakemm waslet ambulanza b’tim mediku, iżda t-tfajla kienet diġà mietet.

L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Jonathan Ransley flimkien mas-Surġent David Sant mill-Għassa ta’ Tas-Sliema filwaqt li l-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit qed tmexxi l-inkjesta bl-għajnuna tal-esperti tal-Qorti fosthom it-Tabib Forensiku Mario Scerri.

More in Kronaka