It-tieni attentat fuq ħajtu ma jfallix

Erba’ snin mill-qtil kiesaħ u biered fil-Belt Valletta ta’ Joseph Baldacchino, negozjant u sid tal-lukanda Kempinski

Il-vittma - Joseph Baldacchino
Il-vittma - Joseph Baldacchino
Il-post fejn inqatel Joseph Baldacchino
Il-post fejn inqatel Joseph Baldacchino

Is-sensiela “Omiċidji mhux solvuti” din il-ġimgħa tkompli bil-qtil tan-negozjant Joseph Baldacchino li minkejja li għamel aktar minn xahar jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, hu miet wara li xi ħadd li s’issa għadu mhux magħruf sparalu tiri ta’ arma tan-nar ftit wara li kien għadu kif ipparkja l-vettura tiegħu f’parkeġġ fil-Belt nhar it-Tlieta, 23 ta’ Novembru 2010. Attentat ieħor fuq il-ħajja ta’ Baldacchino seħħ aktar minn sena qabel.

Stennieh fuq mutur

Joseph Baldacchino ta’ 51 sena miż-Żurrieq, li kien joqgħod Ħ’Attard, dakinhar li sar l-attentat fuqu kien mar il-Belt għax kellu jattendi seduta fil-Qorti fuq kawża ċivili.

Kien ftit qabel id-9am li Baldacchino wasal fil-kapitali u baqa’ sejjer lejn Triq il-Mitħna fejn ipparkja l-karozza tiegħu, Toyota Land Cruiser fil-parkeġġ tal-House of Four Winds. Li żgur qatt ma daħallu f’rasu kien li raġel fuq mutur li kien għadu kif għadda minn ħdejh qabel daħal fil-parkeġġ, kien qattiel li x’aktarx tqabbad minn persuni oħrajn biex joqtlu.

Baldacchino, missier ta’ ħamest itfal, ipparkja l-vettura u kif kien għadu fil-parkeġġ ġibed l-attenzjoni tas-sewwieq tal-mutur fejn qallu li n-numru tar-reġistrazzjoni tal-mutur kien waqagħlu fl-art. Is-sewwieq tal-mutur għamillu ġest b’rasu li kien fehmu u ħalla lil Baldacchino jkompli miexi.

Kif għamel ftit passi l-qattiel resaq minn warajh bil-mutur tat-tip Typhoon ta’ kulur blu u li kellu kulur oranġjo mar-roti u s-sewwieq niżżel iż-żipp tal-ġakketta, ħareġ pistola u spara tir ta’ kalibru .22mm f’dahar Baldacchino.

Il-qattiel ried ikun assolutament ċert li ma jfallix il-mira tant li mhux sparalu minn xi distanza, iżda poġġa l-pistola eżatt ma’ dahar il-vittma tant li ma ħariġlux demm li jindika li l-isparatura kienet mill-qrib ħafna.

Il-każ seħħ quddiem numru ta’ persuni li raw lil Baldacchino jaqa’ mal-art filwaqt li l-mutur deher jitlaq minn fuq il-post tar-reat b’veloċità eċċessiva. Kif kien qed jaħrab il-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-mutur bin-numru EAH124 inqalgħet u waqgħet fl-art fejn instabet mill-Pulizija aktar tard. 

Iżda l-Pulizija jemmnu li l-pjanċa ntremiet mill-istess qattiel biex meta ħareġ mill-Belt il-kameras tas-CVA ma timmarkahx bħalma kien immarkat li kien daħal fid-8.40am. B’hekk ħadd ma seta’ kellu ħjiel lil fejn ġibed. Dan ta vantaġġ lill-qattiel fuq il-Pulizija sakemm isiru l-verifiki u jkunu eżaminati l-filmati.

Kollox jindika li l-qattiel kien persuna professjonali li qatt ma kien eskluż ukoll li seta’ kien barrani li ġie Malta b’għan ewlieni, dak biex iwettaq id-delitt u dakinhar stess telaq minn pajjiżna u ħlief għal skartoċċ ta’ balla ma ħalla ebda traċċa warajh. 

Fuq il-post ta’ dan il-qtil stil mafjuż bdew jaslu diversi Pulizija fosthom dawk tad-Distrett, immexxijin mill-Ispettur James Grech, li llum jagħmel parti mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, flimkien mas-Surġent Stephen Saliba. Ftit tal-ħin wara marru wkoll is-Supretendent Silvio Valletta, illum Assistent Kummissarju u l-Ispetturi Daniel Zammit u Chris Pullicino.

Ippreservata x-xena tad-delitt

Wara li l-vittma ttieħed l-isptar, il-Pulizija għalqu l-aċċess għall-parkeġġ u l-inħawi biex jippreservaw ix-xena tar-reat. 

Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat Dr Audrey Demicoli u ħatret numru ta’ esperti fosthom lill-Brigadier Maurice Calleja bħala espert ballistiku, it-Tabib Forensiku Mario Scerri u Martin Bajada biex jeżamina filmati tal-kameras tas-sigurtà fosthom dawk tas-CVA. Il-Pulizija tad-Distrett u dawk mill-Iskwadra Mobbli bdew bi tfittxija għall-mutur u l-qattiel, iżda sa tard filgħaxija ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ xejn.

Minn fuq il-post tar-reat il-Pulizija elevaw skartoċċ li jindika li l-arma li ntużat kienet pistola kalibru .22mm. Mill-pjanċa li waqgħet mill-mutur irriżulta li l-mutur kien ġie rrapportat misruq mill-Marsa fil-21 ta’ Ottubru, ftit aktar minn xahar qabel, li kien jindika li l-qtil ta’ Joseph Baldacchino kien ippremedidat u kien ilu ppjanat. 

Ma mietx mill-ewwel

Minkejja li Joseph Baldacchino ntlaqat minn tir sparat mill-qrib u kien sofra emoroġija interna, huwa ma mietx mill-ewwel. Kienu xi residenti li joqogħdu qrib fejn seħħet l-isparatura li marru jagħtu l-ewwel għajnuna lil Baldacchino li spiċċa fl-art mitluq għal mejjet. L-intervent mediku li rċieva fuq il-post mit-tim mediku li tmexxa mit-Tabib Michael Spiteri u l-infermieri li marru bl-ambulanza kien determinanti biex Baldacchino ma mietx fil-parkeġġ. 

Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei u mill-ewwel it-tobba bdew joperaw fuqu. Irriżulta li l-balla daħlet min-naħa tax-xellug ta’ dahru u għamlet ħsara fl-intern fejn beda jitlef ħafna demm kawża ta’ emoroġija.

Fil-fatt minħabba li l-vittma tilef ħafna demm, id-Dipartiment tal-Informazzjoni kien ħareġ stqarrija fejn sar appell urġenti għad-demm O positive. Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa baqa’ miftuħ sa tard filgħaxija jilqa’ lil dawk li rrispondew għal dan l-appell. Ir-rispons tal-pubbliku kien immedjat tant li kienu ħafna li marru ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm.

Meta bdew jgħaddu l-ġranet u Baldacchino kien għadu qed jinżamm taħt osservazzjoni stretta kemm medika kif ukoll dik ta’ sigurtà, il-Pulizija bdew jittammaw li Baldacchino seta’ jiżvela xi ħaġa, żgħira kemm hi żgħira, li titfa’ xi ħjiel dwar l-attentat. Xtaqu kieku jsiru jafu jekk kellux suspetti f’xi ħadd. 

Huwa mifhum li sakemm Baldacchino kien għadu fl-art u kien qed jingħata l-ewwel għajnuna medika, huwa lissen isem ta’ persuna. Nifhmu li l-Pulizija kienu ġabru lil dan ir-raġel biex jgħinhom fl-investigazzjonijiet, imma qatt ma rriżulta xejn konkret.

“Il-vittma kien għadu kif kellem il-qattiel biex jgħidlu li waqgħetlu l-pjanċa tal-mutur”

Jinstab il-mutur

Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Novembru 2010 dan il-każ kellu żvolta meta l-Pulizija sabu l-mutur li ntuża mill-qattiel.

Kien għall-ħabta tal-5.20pm meta l-Pulizija sabu l-mutur Typhoon blu fil-baħar taħt il-Forti Sant Iermu li dak iż-żmien kien jintuża bħala l-Akkademja tal-Pulizija fil-Belt.

Mill-istħarriġ li għamlu l-Pulizija kienu waslu għat-teżi li wara li seħħ l-attentat, is-sewwieq tal-mutur baqa’ sejjer dritt lejn il-Foss tal-Belt li jagħti għal taħt Sant Iermu fejn ħeles mill-mutur billi tefgħu fil-baħar.

Wara tliet ijiem ta’ tfittxija l-Pulizija rċevew informazzjoni fejn setgħu jsibu l-mutur li ntuża f’dan il-każ. Meta marru fuq il-post indikat il-Pulizija setgħu jaraw mutur f’qiegħ il-baħar imma ma kinux ċerti li kien l-istess wieħed li kienu qegħdin ifittxu.

Wara li ttella’ mill-baħar, il-mutur ittieħed fil-Bażi tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Xatt it-Tiben fejn kien hemm jistennew l-investigaturi tal-Pulizija u l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

Minn hemm il-mutur ittieħed lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ. Il-Pulizija xtaqu jkomplu jfittxu kemm fl-inħawi kif ukoll fil-baħar, b’mod speċjali għall-arma li ntużat, iżda peress li kien dalam kellhom jabbandunaw it-tfittxija u jipposponuha. Mal-ewwel dawl tax-xemx komplew bi tfittxija intensiva bit-tama li tinstab l-arma, iżda nifhmu li din baqgħet ma nstabitx.

Interrogati diversi individwi

Bħalma jiġri f’kull każ il-Pulizija ġabret diversi persuni li huma magħrufin magħhom biex jgħinuhom fl-investigazzjonijiet. Minkejja s-sigħat twal ta’ interrogazzjonijiet, il-Pulizija qatt ma kellhom dik il-prova suffiċjenti biex takkuża lil xi ħadd li sa dakinhar kien għadu każ ta’ attentat ta’ qtil fuq Joseph Baldacchino.

Imut aktar minn xahar wara

Baldacchino kien għamel aktar minn xahar jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei. Fil-fatt huwa ġie ċċertifikat mejjet nhar it-Tnejn, 27 ta’ Diċembru 2010 għall-ħabta ta’ 11.40pm mingħajr qatt ma ġie f’tiegħu.

Kien żmien li s-soltu l-familji jinġabru biex jiċċelebraw flimkien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Imma għall-familja Baldacchino ma kienx żmien ta’ ferħ, iżda ġranet diffiċli u ta’ niket, imma xorta waħda kienu flimkien.

Bl-aħbar li n-negozjant Joseph Baldacchino ddikjarat mejjet, il-Pulizija issa kellhom każ ta’ omiċidju x’jinvestigaw u mhux aktar attentat ta’ qtil. 

Dan kien it-tieni attentat fuq il-ħajja ta’ Baldacchino. Madwar sena u tliet xhur qabel xi ħadd mhux magħruf kien poġġa bomba b’sustanza magħmula minn TNT mar-rota tal-vettura tiegħu, x’aktarx l-istess waħda li kien biha meta sar it-tieni attentat. Dakinhar il-vettura kienet ipparkjata quddiem l-istabbiliment tan-negozju tiegħu Baldacchino Woodworks fiż-Żurrieq. Għalkemm il-bomba splodiet ma kinitx ikkawżat ħsarat estensivi. Il-Pulizja temmen li hemm rabta bejn l-attentat tal-isparatura u l-bomba li kienet tpoġġiet mal-karozza tiegħu. Din id-darba min ried jelimina lil Baldacchino ma ħax aktar riskji u x’aktarx li għalhekk qabbad lil min jisparalu u jkun ċert li joqtlu.

Barra li Joseph Baldacchino kien sid Baldacchino Woodworks, kien ukoll imexxi s-swali tat-tiġijiet Garden Of Eden fiż-Żurrieq, l-Olive Gardens taħt l-Imdina, Villa Maria fir-Rabat, Malta u wieħed mill-akbar proġetti tiegħu San Lawrenz Leisure Resort f’Għawdex u aktar.

Baldacchino kien is-sid ta’ bosta negozji fosthom il-lukanda Kempinski u l-flettijiet f’Għawdex
Baldacchino kien is-sid ta’ bosta negozji fosthom il-lukanda Kempinski u l-flettijiet f’Għawdex

Suspett qawwi, imma mhux biżżejjed

Waqt stħarriġ ta’ każ totalment separat, il-Pulizija kienu sabu biċċa karta f’karozza li fuqha kien hemm imniżżel in-numru tal-karozza ta’ Joseph Baldacchino.

Din il-biċċa karta nstabet fil-karozza ta’ Romeo Bone mill-Furjana waqt tfittxija li kienu għamlu l-Pulizija fil-karozza tiegħu fuq allegazzjoni li saret fuq Bone minn eks-Pulizija Mario Portelli li kien qal li Bone kien qiegħed isegwi l-passi tiegħu. Bone ma kienx instab ħati dwar din l-allegazzjoni. 

Bis-sejba ta’ dik in-nota bin-numru tal-karozza ta’ Joseph Baldacchino għamlet li Bone wieħed mis-suspettati fil-qtil tan-negozjant imma l-investigaturi qatt ma kellhom provi li jpoġġu lil Bone fuq ix-xena tad-delitt jew li kellu xi konnessjoni ma’ Baldacchino. 

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka