(AĠĠORNAT) Sewwieq ta’ trailer imut wara xahrejn

Inqaleb bit-trailer fil-Marsa f’Awwissu li għadda

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Charles Borg ta’ 43 sena minn San Ġwann tilef il-battalja kontra l-mewt wara li fl-14 ta’ Awwissu li għadda ddaħħal l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika. Borg kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Marsa.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.30 a.m. meta Borg kien qed isuq trakk Leyland DAF li kien qed jiġbed trailer fi Triq Garibaldi. Huwa kien ġej mid-direzzjoni ta’ Ħal Luqa lejn il-Marsa u kif wasal fit-tarf tan-niżla, it-trailer inqaleb fuq il-ġenb tiegħu.

Borg inħareġ mill-kabina bl-għajnuna tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn kien iċċertfikat li jinsab fil-periklu tal-mewt kawża tal-ġrieħi gravi li sofra f’rasu.

Għal xi żmien Borg kien qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei u wara kien trasferit għal sezzjoni oħra. Jidher li saħħet Borg ma bdietx tiġi għall-aħjar tant li bħallum ġimgħa, il-Ħamis, 23 ta' Ottubru fil-10.45 p.m. il-Pulizija ġew informati li Borg kien miet.

Charles Borg huwa l-għaxar vittma ta’ inċidenti fatali din is-sena.

 

More in Kronaka