Fi stqarrija l-Pulizija qalet li mara ta’ 44 sena minn San Pawl il-Baħar u oħra ta’ 43 sena minn Birkirkara, jinsabu fil-periklu tal-mewt wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku, illum waranofsinhar għall-ħabta tat-3.30 p.m. fi Triq iż-Żebbiegh, fl-Imġarr, Malta.
Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li karozza Toyota Vitz misjuqa mill-mara ta’ 44 sena u Hyundai Atos misjuqa mill-mara ta’ 43 sena ħabtu head-on.
Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll team mediku mill-Isptar Mater Dei. Iż-żewg vittmi ttieħdu l-Isptar Mater Dei fejn bdew jingħataw il-kura meħtieġa.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti biex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.