[AĠĠORNAT 2] Jinstab katavru ta’ mara fi stat mumifikat
Il-ġirien ħasbu li kienet qed tgħix f’dar tal-anzjani, ma kienx hemm riħa ta' mejtin imma kwantitá kbira ta' dubbien
More in Kronaka
Il-ġirien ħasbu li kienet qed tgħix f’dar tal-anzjani, ma kienx hemm riħa ta' mejtin imma kwantitá kbira ta' dubbien
Dan l-artiklu ġibed l-attenzjoni ta’ numru kbir ta’ qarrejja tant li persuna li segwit l-operazzjoni tas-sejba tal-kadavru qaltilna li fil-fatt ma kinitx ir-riħa qawwija li ġibdet l-attenzjoni ta' xi nies, iżda kien wieħed mill-ġirien li meta mar ifittex il-qattus innota li ma’ tieqa kien hemm kwantitá kbira ta’ dubbien. Illum jista’ jikkonferma li l-mara hija Mary Catherine Dalli, iżda mhux magħruf jekk din kellix familja jew le.
L-istes sors kompla jgħidilna li dik il-kwantitá ta’ dubbien, ħafna minnu mejjet, qatt ma kien raha qabel u mill-ewwel ħaseb ħażin u informa lill-Pulizija.
Meta l-Pulizija marru fuq il-post u daħlu fir-residenza tal-mara, ma kienx hemm riħa ta’ mejtin iżda l-kadavru fi stat avvanzat ta’ dikompożizzjoni imma fl-istess ħin mumifikat, kienet xena mhux tas-soltu. L-ammont ta' dubbien u insetti oħrajn, kemm mejjet u oħarjn li kienu għadhom ħajjin, kienu mhux biss mat-tieqa imma anke fil-kmamar speċjalment fejn instab il-kadavru.
Dalgħodu saret l-awtopsja fuq il-kadavru fejn l-ewwel indikazzjonijiet juru li l-mara mietet mewta naturali kif diġá rrapportajna, iżda minkejja dan huwa mifhum li l-patoloġisti ħadu xi x-rays biex ikun aċċertat li ma sofrietx feriti esterni.
Aktar kmieni...
“Jekk wieħed jiftakar kif kien instab il-kadavru ta’ Dun Ġorġ Preca, jista’ wieħed jgħid li hekk kien il-kadavru ta’ din il-mara”, qalilna s-sors.
Kien biss meta l-Pulizija dawru l-kadavru bħala parti mill-investigazzjoni li ħarġet riħa insapportabbli.
Kadavru ta’ mara ta’ 64 sena minn Birżebbuġia u li kienet tgħix weħida, ilbieraħ instab fi stat avvanzat ta’ mumifkazzjoni u li kollox jindika li l-mara mietet b’kawża naturali.
Il-Pulizija kienu informati għall-ħabta tal-11.30 a.m. tat-Tlieta, meta xi ħadd issuspetta ħażin minħabba riħa li kienet ġejja mir-residenza tal-mara li tinsab fi Triq id-Dar ta’ Pultu.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Supretendent Sandro Gatt u l-Ispettur Melvyn Camilleri. Kif daħlu fil-post, li jikkonsisti bi tliet ikmamar żgħar, ir-riħa kienet qawwija ħafna u x-xena li sabu xejn ma kienet sabiħa. Il-mara nstabet fl-art wiċċha ’l fuq ħdejn is-sodda.
Minkejja li kienet ilha mejta madwar tliet xhur u minħabba li kien hemm tieqa miftuħa, il-kadavru ma dditerjorax u nstab fi stat mumifkat.
Bil-każ ġie informat Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Aaron Bugeja, li ordna inkjesta u ħatrar l-esperti tal-Qorti fosthom lit-Tabib Forensiku Mario Scerri u lill-Pulizija tal-Fotografija. Il-kadavru ttieħed fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei bil-hearse tal-Pulizija.
Huwa mifhum li l-ġirien ħasbu li l-mara kienet qed toqgħod f’xi dart tal-anzjani peress li kienu jafu li ma tantx kienet b’saħħita. L-aħħar darba li rawha kien Lulju jew Awwissu li għadda.
Il-Pulizija m’għandha l-ebda suspett li hemm xi terzi persuni involuti fil-mewt tal-mara u qed tqis din il-mewt bħala waħda naturali.