Għall-ewwel il-Pulizija ħasbu li seta’ kien suwiċidju

Għażeb mgħallaq fl-Isla fl-1977

Il-katavru ta’ Rodda qed jinħareġ mill-Pulizija
Il-katavru ta’ Rodda qed jinħareġ mill-Pulizija

Wara li għal xi jiem, Cyril Rodda ta’ 69 sena, naqas li jmur jixtri l-ġurnal minn ħanut fl-Isla għal jumejn wara xulxin, sid l-istationery kien diġà beda jinkwieta. Kien dan l-ewwel sinjal li Rodda kien ġralu xi ħaġa għax kienet rutina tiegħu li jmur u jixtri l-ġurnal. Fil-fatt l-għażeb Ingliż kien instab mgħallaq fl-appartament tiegħu fi Triq is-Sirena fl-Isla nhar it-Tnejn, 21 ta’ Frar 1977.

Jinstab minn koppja Ingliża

Koppja Ingliża, li kienu ħbieb sew ta’ Rodda, kienu sabu l-katavru tiegħu. Il-koppja, bil-kunjom ta’ Michaelis, kienu joqogħdu fit-tieni sular fl-istess blokk ta’ appartament bl-isem ta’ “Milva House” fejn kien joqgħod il-vittma u kienu ilhom jafu lil xulxin għal xi żmien mhux ħażin. Din il-binja kienet twaqqgħet u llum hemm binja ġdida. 

Aktar qabel huma kienu marru fl-istess ħanut fl-Isla minn fejn kien imur jixtri l-ġurnali Rodda. Meta sid il-ħanut ġibdilhom l-attenzjoni li l-ħabib tagħhom Cyril kien ilu jumejn ma jmur għall-ġurnali u li mhux is-soltu tiegħu li ma jinfurmahx jekk ma kienx se jmur, anke huma tħassbu peress li minkejja li kienu joqogħdu fl-isess blokka, ma kinux rawh fil-jiem ta’ qabel.

Peress li din il-koppja kienu ħbieb kbar ta’ Rodda, huma kellhom iċ-ċavetta tal-appartament tiegħu. Kif lestew il-qadi li kellhom għall-ħabta tal-4.15pm hekk kif irritornaw lura lejn l-appartament, marru jaraw x’kien ġralu l-ħabib tagħhom. Huma ħabbtu l-bieb u anke nstemgħu jsejħulu diversi drabi, iżda ma kien hemm l-ebda risposta.

Inkwetati li seta’ ħassu ħażin, huma fetħu l-bieb tal-appartament u kif daħlu fil-kamra tas-sodda sabu xena xejn sabiħa.

Mitluq għarwien fuq is-sodda

Cyril Rodda nstab mingħajr ħwejjeġ mitluq fuq is-sodda u bi flokk ta’ taħt imdawwar ma’ għonqu u xi dmija. Immedjatament huma ħarġu mill-appartament u talbu l-għajnuna. 

Kif ġriet l-aħbar li fi Triq is-Sirena kien hemm raġel mejjet bdew jinġabru ħafna nies u kif waslu l-Pulizija kellhom ibiegħdu lil dawn in-nies biex ikunu jistgħu jibdew jinvestigaw.

Fuq il-post tar-reat kienu marru diversi uffiċjali tal-Pulizija. Barra dawk tad-Distrett kienu marru wkoll dawk mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Fost dawk li marru kien hemm l-Assistenti Kummissarji John Cachia u Lawrence Pullicino, is-Supretendent Nestu Spiteri u l-Ispetturi Peter Cordina u Alfred Calleja.

“Qrib il-katavru fuq is-sodda, kif ukoll imxerrdin fl-art, il-Pulizija sabu numru ta’ kotba erotiċi kif ukoll rivisti tal-Playboy”

Kotba erotiċi mxerrdin fl-art

Meta waslu l-Pulizija u raw ix-xena, għall-ewwel ħasbu li l-anzjan seta’ neħħa ħajtu b’idejh billi tgħallaq. Il-Pulizija nnutaw li ma’ ħalqu kellu xi dmija.

Kien it-tabib tal-Gvern, Dr Joseph Florini, li ntalab imur fuq il-post u ċċertifika lil Cyril Rodda mejjet. Skont Dr Florini l-vittma kien ilu mejjet bejn 24 siegħa u 48 siegħa.

Bil-każ kien ukoll informat il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Ronald Conti, li mexxa l-aċċess personali u anke ordna inkjesta fejn ħatar diversi esperti fosthom il-Perit Richard Aquilina.

Qrib il-katavru fuq is-sodda, kif ukoll imxerrdin fl-art, il-Pulizija sabu numru ta’ kotba erotiċi kif ukoll rivisti tal-Playboy. Dawn ħawdu xi ftit lill-investigaturi li fost it-teżi li kienu bdew jaħdmu fuqha kien li Rodda seta’ kien xi bniedem iffissat fuq is-sess u wara li wettaq atti sesswali fuqu nnifsu, seta’ rabat il-flokk ta’ taħt madwar għonqu biex jeċita aktar lilu nnifsu u spiċċa wettaq suwiċidju anke b’mod aċċidentali.

Min-naħa l-oħra, iżda, il-Pulizija ma setgħux joqogħdu biss fuq teżi waħda u jagħlqu l-każ. Għaldaqstant taw aktar piż fuq it-teżi li dan seta’ wkoll kien każ ta’ omiċidju u għalhekk ma kienx każ ta’ min jagħlqu u jgħid li Rodda kkommetta suwiċidju anke jekk kien b’mod mhux ippjanat.

Elevati diversi oġġetti

Il-Pulizija tal-Forensika kienu elevaw kull ma setgħu mill-appartament ta’ Rodda. Barra r-rivisti tal-Playboy u kotba li kienu jitqiesu bħala erotiċi, l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat kienu sabu wkoll numru ta’ ritratti antiki li ħafna minnhom kienu x’aktarx tal-familja ta’ Rodda. 

Iżda l-aktar li l-Pulizija ħasbu li seta’ jitfa’ dawl fuq il-każ kien flixkun tal-ħġieġ. Dan ittieħed fil-Laboratorju Forensiku bit-tama li l-esperti tal-marki tas-swaba’ setgħu jtellgħu xi marki li ma kinux tal-vittma. Jidher li minn fuq dan il-flixkun ma kinux sabu marki oħrajn jew jekk kien hemm ma kinux identifikati. 

It-tabella tat-triq fejn seħħ il-qtil
It-tabella tat-triq fejn seħħ il-qtil

Ikkonfermat li l-anzjan inqatel 

Fil-jiem ta’ wara l-Pulizija komplew jintensifikaw l-investigazzjonijiet. Reġgħu marru fuq il-post fi Triq Sirena u anke dehru jkellmu diversi persuni li kienu jafu lil Rodda. Fost dawn kien hemm il-koppja Ingliża Micaelis li sabu l-katavru tal-ħabib tagħhom. Mhux magħruf x’kien intqal imma li kienet ħaġa ċerta hija li l-investigaturi, fosthom l-Ispettur Alfred Calleja, illum mejjet u li temm il-karriera tiegħu bħala Kummissarju tal-Pulizija, kien ċert li Rodda kien inqatel u għalhekk il-każ baqa’ jiġi investigat bħala omiċidju. Alfred Calleja kien meqjus li kien fost l-aqwa investigaturi li qatt kellu l-Korp tal-Pulizija anke sakemm irtira fl-1992.

Jinġabru persuni suspettati

Immexxijin mill-Ispettur Alfred Calleja, il-Pulizija bdew jiġbru persuni suspettati li fil-jiem ta’ qabel anke dehru ma’ Rodda jew li kienu qrib l-appartament tiegħu.

Għal sigħat twal l-investigaturi mhux biss ġabru xi rġiel mill-Isla stess imma kienu bagħtu għal oħrajn minn barra l-Isla u li setgħu kienu magħrufin mal-Pulizija fiċ-ċirku tal-kriminalità. 

Kien hemm min allega li Rodda kien ikun spiss fil-kumpanija tal-irġiel iktar min-nisa u għalhekk l-istħarriġ kompla nfirex anke fuq persuni omosesswali. Ħafna mill-interrogazzjonijiet kienu saru fl-Għassa tal-Pulizija fl-Isla.

Min kien Cyril Rodda?

L-isem kollu tal-vittma kien Cyril Albert Joseph Rodda. Huwa twieled f’Cornwall, l-Ingilterra u kien u uffiċjal mal-Qawwa tal-Ajru Ingliża, magħrufa aktar bl-Ingliż bħala r-Royal Air Force. Rodda kien ilu jgħix Malta madwar 18-il sena u kien popolari man-nies tal-Isla. 

Mid-dokumenti li hemm fiċ-ċimiterju f’Ta’ Braxia f’Tal-Pietà, Cyril Rodda ndifen nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Frar 1977, l-għada li saret l-awtopsja fuq il-katavru tiegħu fil-kamra mortwarja tal-Isptar San Luqa. L-ewwel riżultati kienu li l-kawża tal-mewt kienet asfiksja, jew aħjar miet mgħallaq. Iżda l-patoloġisti ma kinux għalqu mill-ewwel ir-riżultat tal-awtopsja u riedu jistennew ir-riżultati tossikoloġiċi. Huwa mifhum li l-Pulizija kienu ġabu l-permess mill-Maġistrat Inkwerenti biex kampjuni li ttieħdu mill-istonku tal-vittma jintbagħtu barra minn Malta għal eżamijiet forensiċi.

Għalkemm Cyril Albert Joseph Rodda kien ċittadin Ingliż, bħala eks-uffiċjal tal-Qawwa tal-Ajru Ingliża, huwa ndifen fiċ-Ċimiterju Ta’ Braxia li jinsab f’Tal-Pietà. Illum dan iċ-ċimiterju tieħu ħsiebu l-organizzazzjoni Din l-Art Ħelwa.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka