Triton minflok Mare Nostrum

Jintemm is-servizz ta' salvataġġ tal-immigranti u jibda ieħor

Il-kabinett Taljan mistenni jwaqqaf uffiċjalment Mare Nostrum illum
Il-kabinett Taljan mistenni jwaqqaf uffiċjalment Mare Nostrum illum

Il-programm ta’ salvataġġ fil-Mediterran, Mare Nostrum se jitneħħa u minfloku, se jidħol fis-seħħ Triton; li hija operazzjoni ta’ patrol marittima tal-Unjoni Ewropea. Din tal-aħħar se tkun operata mill-aġenzija Frontex u se tagħmel użu minn sitt bastimenti, żewġ ajruplani u ħelikopter biex ikunu jistgħu jagħmlu bħal ronda għal immigranti illegali li qed jaħarbu mill-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani. 

Minkejja dan, Triton se jkollha biss terz mill-baġit li kellu Mare Nostrum u għaldaqstant se jiffukaw aktar fuq il-kontroll fil-fruntieri milli fuq is-salvataġġ. Dan qed isir wara pressjoni mill-Italja, hekk kif il-programm ta’ salvataġġ inbeda sena ilu fuq bażi ta’ emerġenza wara d-diżastri fuq il-baħar li ħallew 300 immigrant mejjet. Il-kabinett Taljan mistenni jwaqqaf uffiċjalment dan il-programm nhar il-Ħamis.

Triton se tkun ibbażata kemm f’Lampedusa li tilqa’ ħafna mill-immigranti u kif ukoll f’Porto Empedocle fi Sqallija fejn il-patrol mistennija tibda ssir anke madwar il-kosta ta’ Sqallija waqt li jibqgħu madwar 30 mil ’il barra mill-kosta Taljana. Però dawn l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ kapaċi jestendu anke viċin il-Libja b’differenza għal dak li kien jagħmel il-Mare Nostrum. Skont is-sit tal-BBC, diversi pajjiżi qalu li se jagħtu tagħmir u apparat fosthom Franza, il-Finlandja, Spanja u anke l-Iżlanda, li mhix membru tal-UE. Sa mill-bidu ta’ Mare Nostrum tnax-il xhar ilu, ġew salvati madwar 150,000 immigrant bil-maġġoranza tagħhom ikunu mill-Afrika ta’ Fuq u mil-Lvant Nofsani.

Intant f’Malta jasal fi tmiemu wkoll il-programm MOAS (Migrant Offshore Aid Station) li salva mat-3,000 immigrant fil-missjoni ta’ 60 jum li għamel. Il-MOAS se tieqaf għax-xitwa waqt li tiġbor fondi għall-missjonijiet tas-sena d-dieħla. 

Il-MOAS kien qed jopera minn fuq il-bastiment MY Phoenix, vapur armat b’camcopters SCHIEBEL u RHIBs tas-salvataġġ flimkien ma’ ekwipaġġ ta’ 18-il persuna li jinkludu paramediċi u tobba ta’ esperjenza.

Bis-saħħa ta’ komunikazzjoni bejn il-MOAS u ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Taljan, il-ġimgħa li għaddiet biss ġew salvati 331 persuna minn żewġ dgħajjes li kienu jinsabu f’diffikultà. 

Il-MOAS, li ġie stabbilit fil-25 t’Awwissu għamel tliet missjonijiet ta’ 30 ġurnata l-waħda fejn fihom ġew salvati 1,451 immigrant. L-immigranti kollha li ġew mgħejuna mill-MOAS, ġew imwassla l-Italja taħt id-direzzjoni taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ ta’ Ruma.

“Il-MOAS kienet ta’ suċċess kbir. Urejna lid-dinja li għandna r-riżorsi u l-professjonaliżmu biex nagħmlu dawn is-salvataġġi b’mod effettiv.  Il-missjonijiet ta’ salvataġġ kollha kienu ta’ suċċess u bla inċidenti. Issa jeħtieġ li nsibu mod kif il-MOAS tkun sostenibbli fil-futur,” sostna l-fundatur tal-MOAS, Christopher Catrambone waqt li rringrazzja lil organizzazzjonijiet bħal NGO Medical Bridges li diġà kienu ta’ għajnuna finanzjarja kbira.

Christopher u martu Reġina Catrambone ffinanzjaw din l-operazzjoni kollha matul din is-sena, però ma jistgħux jkomplu jiffinanzjawh waħedhom. “Nixtiequ nispiraw oħrajn biex ikunu parti minn dan il-proġett. Diġà rċevejna xi donazzjonijiet però din il-missjoni tiswa tal-anqas €400,000 fix-xahar sabiex topera b’mod effettiv. Jeħtieġ li nsibu donaturi oħra li jridu jsalvaw il-ħajjiet,” qalet Reġina Catrambone.

L-eks Brigadier tal-Armata Martin Xuereb, li issa huwa d-direttur tal-MOAS qal li issa li l-Mare Nosrtum se jitwaqqaf, il-missjoni tal-MOAS se tkun aktar importanti. “Dak li se jieħu post Mare Nostrum għandu jkollu l-prijorità li jsalva l-ħajjiet. In-nies li salvajna kienu ġejjin minn pajjiżi li jinsabu fi gwerer bħas-Sirja u Gaża, wara li jkunu vvjaġġaw it-triq kollha sal-Libja, li reġgħet imtliet bil-vjolenza. Dawn in-nies iħossu li m’għandhomx għażla oħra ħlief li jaħarbu u jirriskjaw ħajjithom biex isibu l-kenn. Ma nistgħux inħalluhom jgħerqu,” temm jgħid il-Brigadier Xuereb.

More in Kronaka