Tifel ta’ sena u tliet xhur b’xorti tajba sofra biss ġreħi gravi f’idejh wara li waqa’ minn tieqa ta’ appartament għoli ta’ madwar żewġ sulari. L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tad-8.40 a.m. fi Triq Ħalib it-Tajr f’Santa Luċija.
Qed ikun allegat li omm it-tifel kienet għadha kif tat lil binha x’jixrob, li dak il-ħin kien fuq is-sodda. Huwa mifhum li l-omm kienet ħdejh u għal ftit sekondi aljenat ruħha. F’daqqa waħda semgħet ħoss ġej minn barra u kif daret ma ratx lit-tifel.
Hija ttawlet mit-tieqa u rat lil binha fl-art u sejħet lil ommha. Huma qabdu lit-tifel u ħaduh lejn l-Isptar Mater Dei bil-karozza tagħhom fejn beda jingħata l-kura medika immedjatament fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Minkejja l-waqgħa minn għoli ta’ żewġ sulari, iċ-ċkejken sofra biss ksur f’idejh u fl-ebda ħin ma kien fil-periklu tal-mewt. Aktar tard waranofsinhar huwa ġie operat u baqa’ jinżamm fit-Taqsima “Fairyland” tal-Isptar Mater Dei għal aktar osservazzjoni.
L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Hubert Cini flimkien mas-Surġent Raymond Ambrogio tad-Distrett.