Ġlieda bejn żewġ familji f'Bormla. Video Chris Mangion
Minn aktar stħarriġ li kompla jagħmel dan is-sit, jirriżulta li dalgħodu wieħed minn dawk feruti, żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Isla, kif kien fil-pjazza tal-Isla marru fuqu żewġ żgħażagħ,wieħed ta’ 22 sena u l-ieħor ta’ 20 sena minn Bromla. Kien hawn li beda l-argument biż-żagħżugħ mill-Isla jisfa aggredit u allegatament anke mitfugħ fl-art. Kif kien għadu fl-art it-tnejn l-oħrajn ħarbu minn fuq il-post b’karozza misjuqa minn miż-żagħżugħ ta’ 22 sena.
Ferut u muġugħ, il-vittma mar jagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla akkumpanjat minn diversi membri tal-familja fosthom missieru.
Kif kienu għadhom hemm tfaċċa raġel ta’ 32 sena minn Bormla fejn qam argument ieħor bil-Pulizija tad-Distrett li kienu fl-Għassa jirnexxielhom jikkalmaw is-sitwazzjoni.
Meta kollox deher li kien taħt kontroll, għall-ħabta ta’ nofsinhar, tfaċċaw żewġ nisa, l-ommijiet rispettivi ta’ dawk involuti fl-ewwel argument biż-żewġ nisa jiġu fl-idejn tant li l-Pulizija kellha toħroġ tferraqhom.
Ftit tal-ħin wara bdew jaslu aktar persuni membri miż-żewġ naħat tal-famlji u kien hawn li l-argument reġa’ saħan b’raġel ta’ 46 sena mill-Isla safa’ ferut tant li wiċċu kien kollu demm wara li x’aktarx qala’ daqqa fuq rasu. Fl-istess ħin żagħżugħ deher jagħti daqqa ta’ njama fuq dahar żagħżugħ ieħor li mad-daqqa l-injama nqasmet fi tnejn.
Sadanittant leħqu waslu fuq il-post diversi Pulizija mill-RIU, mit-Taqsima tat-Traffiku u dawk mill-ALE li dehru li kkalmaw l-argumenti li kien hemm quddiem l-Għassa tal-Pulizija. Iżda wara l-kantuniera beda argument ieħor fejn żagħżugħ ta’ 22 sena deher jersaq b’ħadida f’idejh, iżda dan inżamm minn xi nies u anke ħadulu l-ħadida minn idejh.
Hekk kif il-Pulizija daħlu li tliet persuni fl-Għassa, waqfet karozza quddiem l-istess Għassa tal-Pulizija u minnha ħareġ raġel ta’ 44 sena mill-Isla b’sikkina f’idejh. L-intervent min-naħa tal-Pulizija tal-RIU kien immedjat u żammew lir-raġel u anke ħadulu l-arma minn idejh.
Is-sikkina, l-ħadida u l-injama li ntużaw waqt din il-ġlieda ġew elevati mill-Pulizija. Dawk arrestati ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn qed jinżammu għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Josric Mifsud tad-Distrett.
Aktar kmieni...
Għall-ħabta tas-1pm il-Pulizija mill-Għassa ta’ Bormla kellhom jitolbu l-assistenza ta’ aktar pulizija minħabba ġlieda kbira li nqalgħet qrib l-istess għassa. Il-Pulizija arrestaw xi persuni b’konnessjoni ma’ din il-ġlieda.
Persuni li tkellmu ma’ ILLUM li kienu qrib il-post iddiskrivew is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ paniku b’diversi nies jinstemgħu jgħajru lil xulxin b’għajjat u anke kliem vulgari.
Is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li kien hemm bejn 25 u 30 ruħ li kienu ġejjin minn familja minn Bormla u oħra mill-Isla. Peress li dawk involuti kienu ferm aktar milli kien hemm Pulizija, fuq il-post marru jassistu mill-inqas ħames units mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit kif ukoll mit-Taqsima tat-Traffiku. Iżda anke hawn għall-ewwel is-sitwazzjoni wkoll kienet diffiċli għall-Pulizija minħabba li ħafna minn dawk involuti ma ridux jobdu l-ordnijiet tal-Pulizija.
Wara ftit tal-ħin il-Pulizija dehru jarrestaw madwar sitt persuni li kienu involuti u s-sitwazzjoni ġiet taħt kontroll.
Qed ikun allegat li l-argument beda lbieraħ fuq logħba futbol għalkemm dan għad irid ikun konfermat. Jidher li aktar kmieni llum iltaqgħu xi membri mill-familji opposti u l-argument kompla. L-irjus komplew jisħnu u fi ftit minuti ġriet il-kelma li kien hemm ġlieda bejn dawn il-persuni. Qabel setgħu jintervjenu l-Pulizija, aktar membri miż-żewġ familji waslu fuq il-post u l-argument spiċċa fi ġlieda kbira.
Tliet persuni ttieħdu Mater Dei b'ambulanza għal xi feriti li sofrew.
Dettalji tal-ġlieda
Jidher li lbieraħ filgħaxija fil-grawnd tal-Isla ntlagħbet logħba futbol bejn xi żgħażagħ mill-familja ta' Dalli minn Bormla u l-familja Brincat mill-Isla. Waqt din il-partita futbol inqala' argument bejn tnejn minnhom. Il-ġlieda kkalmat ftit wara iżda dalgħodu għall-ħabta ta' nofsinhar, wieħed mill-familja Dalli, ta' Bormla, allegatament mar l-Isla fejn sab xi membru tal-familja Brincat. Fil-pjazza tal-Isla ta xi daqqiet x'aktarx b'oġġett iebes lil membru tal-familja Brincat. Brincat mar jagħmel rapport l-għassa. Kif kienu hemm, bdew ġejjin ħafna membri familjari miż-żewġ familji u nfexxew fi ġlieda ferm ikbar, bin-nisa, rġiel u wlied b'kollox.
Qed ikun allegat li xi rġiel deher li kellhom xi pajpijiet f'idejhom.
Il-Pulizija qed tkompli tinvestiga. Aktar dettalji u filmati dalwaqt.