Video is unavailable at this time.
Għal ħin twil il-Pulizija kellhom jagħlqu l-aċċess għal Triq Santa Katerina li tagħti għall-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq sakemm is-suldati mill-EOD spezzjonaw karozza fuq suspett li seta’ kien hemm bomba magħha. Din it-theddida saret eżatt ġimagħtejn wara li bomba splodiet mad-dar tal-Ispettur Geoffrey Azzopardi fiż-Żurrieq stess.
Kmieni dalgħodu, ftit wara s-7.30am, żagħżugħ ta’ 24 sena miż-Żurrieq irċieva telefonata fejn ġie mwissi biex joqgħod attent għax fil-karozza kellu bomba. Minkejja din it-twissja huwa ħa l-karozza tieġħu, BMW, ħdejn l-Għassa tal-Pulizija u daħal fl-istess għassa fi stat ta’ paniku.
Minnufih il-Pulizija, immexxijin mis-Surġent Shaun Vassallo, għalqu kull aċċess u informaw lill-Forzi Armati li bagħtu żewġ membri mill-EOD. Fuq il-post marru wkoll il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit.
Iż-żagħżugħ inżamm fl-għassa sakemm saret spezzjoni kemm taħt il-karozza kif ukoll ġewwa, fil-magna u anke fil-bagoll, liema tfittxja rriżultat fin-negattiv.
Bil-każ ġie informat l-Ispettur Johann Fenech tad-Distrett li qed jinvestiga l-każ.