Ix-xufier tal-Ministru tal-Intern Manuel Mallia, għadu kemm ġie sospiż mid-dmirijiet tiegħu bħala skorta wara li lbieraħ spara fuq karozza ta' Skoċċiż wara li l-Iskoċċiż saq fil-karozza ministerjali li kienet ipparkjata fil-Gżira.
Il-Ministru ħabbar din is-sospensjoni ta' Paul Sheehan f'konferenza stampa li saret dalgħodu.
Sheehan hu wieħed miż-żewġ xufiera ta' Mallia, it-tnejn li huma pulizija, u għandhom arma tan-nar bejniethom.
Sheehan kien sospiż bħala xufier u uffiċjal tas-sigurtà u issa għadu kif ġie kkonfermat li ġie sospiż anke mill-Korp tal-Pulizija.
Kurt Farrugia, kelliem tal-Gvern li kien preżenti fil-konferenza stampa qal li r-raġuni li l-gvern għall-ewwel ħareġ stqarrija fejn qal li spara sparaturi ta' twissija ġrat minħabba li fir-rapporti preliminari xejn ma kien għadu ċar.
Farrugia insista li kull Ministru tal-Intern dejjem ikollu skorta tal-pulizija miegħu, "din dejjem kienet il-proċedura."
Mallia qal li l-gvern kien qed ikun trasparenti dwar dan imma ma setax jagħti iktar dettalji minħabba li kienet għadha għaddejja l-inkjesta maġisterjali. "Kien inċident sfortunat u hija tassew ħasra li wħud qed jipprovaw jagħtu stampa differenti ta' dak li seħħ verament."
Mistoqsi minn illum.com.mt jekk jikkonfermax l-informazzjoni li ppubblika aktar kmieni dalgħodu, li Stephen Smith instab li kellu aktar mit-triplu tal-alkoħol fid-demm mil-limitu stipulat mil-liġi, il-Ministru Mallia kkonferma li fil-fatt hekk irriżulta mit-test tan-nifs.