M'aħniex razzisti... iżda kontra l-Iżlam - Għaqda Patrijotti Maltin

Favur Malta Kattolika u kontra l-Musulmani

50 persuna ipprotestaw kontra l-integrazzjoni tal-immigranti
50 persuna ipprotestaw kontra l-integrazzjoni tal-immigranti

Malta tista ssir stat Iżlamiku fi żmien 20 sena, skont Alex Pisani ta' 61 sena, li hu l-President tal-Għaqda Patrijotti Maltin. Hu qal li huma jinsabu inkwetati li tgħaddi l-liġi tal-integrazzjoni għax b'hekk dawn il-Musulmani jkunu jistgħu jġibu l-familjari tagħhom f'Malta u b'din ir-rata Malta ssir stat Afrikan u Iżlamiku fi żmien 20 sena. Alex Pisani qal li l-Iżlam qed jieħu l-Ewropa bil-mod u "Malta għandna reliġjon waħda..dik kattolika u kburin biha."

Sadattant dan il-proprjetarju ta' ħanut tal-ħelu, iddikjarat bħala president ta' Għaqda Patrijotta Maltin li allura seta' jitkellem f'isem Malta kollha, inkluż f'ismi u f'ismek qal li huma mhux jiġġieldu kontra l-kulur tal-ġilda u lanqas m'huma razzisti, iżda favur l-identità Maltija."

Iżda meta ġurnalist ta' The MaltaToday staqsih dwar immigranti Brittaniċi dan qallu li mhux problema għax dawn kienu kapaċi jintegraw. Żied jgħid ukoll li m'għandniex ilma biżżejjed biex nisquhom.

Din il-protesta saret minn madwar 50 persuna li l-maġġoranza minnhom kienu anzjani jew mezz'età ħadu sehem fil-mixja bejn Floriana u kastilja bl-għajjat ta' "Malta għal Maltin u mhux għal barranin", "le għall-integrazzjoni mingħajr konsultazzjoni; "Impjiegi għal Maltin u mhux għal barranin'.'

Bdew jilmentaw ukoll għax fit-tiżjin tal-Milied tal-belt ma kienx hemm il-maxtura u Ġesu Bambin u bdew jinsulentaw lil dawk li kienu qed iħarsu lejhom li jmisshom jistħu għax ma jingħaqdux magħhom f'din il-protesta. Pisani faħħar lil min ipprotesta u fl-istess ħin ikkritika lill-oħrajn li kienu juru li huma kontra l-immigrazzjoni fuq Facebook biss.
Pisani qal ukoll li hu jaqbel li Malta toħroġ mill-Ewropa "għax aħna pupazzi tal-UE" Pisani talab lil wieħed minn dawk li kienu qed jipprotestaw biex jgħid xi ħaġa fuq it-taraġ ta' kastilja u dan malajr waqqa' l-ispeċi ta' maskra u beda jitkellem fuq is-'suwed' fejn malajr ġie mwaqqaf minn Pisani biex ma jkomplix u qallu, "sejħilhom barranin jew immigranti"

More in Kronaka