Ammont rekord ta’ ’l fuq minn 16,000 ruħ ħadu sehem fis-sitt edizzjoni ta’ The President’s Solidarity Fun Run 2014. Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-Maltin u Għawdxin li qed juru b’iktar saħħa li fejn hemm bżonn ta’ solidarjetà, il-poplu Malti u Għawdxi jagħraf jingħaqad bis-saħħa u bil-qalb jagħti l-appoġġ tiegħu.
Il-President ta’ Malta qalet li l-Maltin u l-Għawdxin huma l-aqwa poplu dinji, għaliex meta jkun hemm bżonn ta’ appoġġ, ikun dejjem minn fuq quddiem, u għalhekk qalet li m’għandhiex biżżejjed kliem biex tfaħħar lill-poplu kollu għal din it-turija kbira ta’ solidarjetà b’risq il-Malta Community Chest Fund li kull erba’ ġimgħat tonfoq 230,000 ewro, li madwar 200,000 ewro minnhom imorru f’kimoterapija speċjalizzata għal persuni morda bil-kanċer.
Għal din is-sitt edizzjoni ta’ The President’s Solidarity Fun Run li saret b’kollaborazzjoni mal- Kunsill Malti għall-Isport, inġiebu żewg personalitajiet Taljani, Toto Schillaci, ex footballer Taljan tat-Tazza tad-Dinja, u Francesco Mariottini, żeffien li ħa fama kbira mill-programm popolari Taljan Amici.
Għall-ewwel darba The President’s Solidarity Fun Run kellha erba’ rotot. Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca mxiet mir-rotta tal-Università ta’ Malta, filwaqt li s-Sur Edgar Preca mexa mir-rotta ta’ Santa Venera. Rotta oħra kienet dik mill-pjazza ta’ Raħal il-Ġdid, u dik mill- Palazz ta’ San Anton.
Għal din is-sitt edizzjoni ta’ The President’s Solidarity Fun Run ħa sehem il-Prim Ministru ta’ Malta Dr Joseph Muscat, u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil. Għadd kbir ta’ membri parlamentari minn kull naħa tal-kamra kkonkorrew bi ħġarhom għal din il-Fun Run.
Il-Fun Run hija parti minn sensiela ta’ attivitajiet tal-massa organizzati mill-Uffiċċju tal-President b’risq il-Malta Community Chest Fund. L-appuntament li jmiss se tkun l-attività Paqpaqli għall- Istrina li se ssir fis-7 ta’ Diċembru li ġej fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.