Il-Pulizija għaddejja bl-istħarriġ dwar serqa ta’ madwar €15,000 minn ħanut li jbiegħ prodotti tad-deterġenti fil-Gżira.
Din is-serqa seħħet ilbieraħ, it-Tnejn, mill-istabbiliment ta’ Sparkle Image li jinsab fi Triq Sliema fil-Gżira. Kien għall-ħabta tal-4.50pm meta impjegata fl-uffiċċju tal-istess stabbiliment kienet qed tgħodd il-flus. Hija kellha twarrab mill-uffiċċju għal ftit minuti u ħalliet kollox fuq l-iskrivanja.
Kien hawn li l-ħalliel, mhux armat, liebes beritta imma mingħajr ma kellu wiċċu mgħotti, deher jieħu l-opportunità billi sab il-bieb li jagħti għall-uffiċċju miftuħ u l-flus fuq l-iskrivanja. Fi ftit sekondi huwa ħataf kulma kien hemm fuq l-istess skrivanja, €13,000 fi flus kontanti u madwar €2,000 f’ċekkijiet, u ħareġ bil-kalma bħalma għamel biex daħal
Filmati miġbudin minn kameras tas-sigurtà tal-istess stabbiliment juru lill-ħalliel, li x’aktarx għandu bejn il-25 sena u t-30 sena, dieħel u ħiereġ mingħajr ħadd ma nduna li kien wettaq is-serqa.
Il-Pulizija tad-Distrett immexxijin mill-Ispettur Jonathan Ransley flimkien mas-Surġent David Sant marru fuq il-post fejn bdew bl-istħarriġ tagħhom. Bil-każ ġie informat il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Carol Peralta, li ordna inkjesta u ħatar lil Dr Stephen Farrugia Sacco u lil Dr Juliana Scerri Ferrante bħala esperti tal-Qorti.