Raġel jinstab mitluf minn sensih f’Ħal Qormi

Qed ikun allegat li abbuża mid-droga eroina

Ir-raġel qed jiddaħħal fl-ambulanza. Ritratt John Pisani
Ir-raġel qed jiddaħħal fl-ambulanza. Ritratt John Pisani
L-Ispettur Roderick Agius jitkellem mat-tim mediku. Ritratt John Pisani
L-Ispettur Roderick Agius jitkellem mat-tim mediku. Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani

Raġel ta’ 35 sena minn Raħal Ġdid qed jinżamm l-Isptar Mater Dei għal aktar kura u osservazzjoni wara li għall-ħabta ta’ nofsinhar instab mitluf minn sensih f’mina tal-għargħar li tinsab taħt parti mill-korsa tal-golf.

Dak il-ħin raġel li kien għaddej mill-kanal tal-għargħar, li bħalissa huma xotti mill-ilma, innota persuna miltuqa fl-art. Kif resaq aktar viċin sab li dan kien raġel wiċċu ’l isfel mitluf minn sensih. Huwa ċempel għall-għajnuna fejn fuq il-post waslu fi ftit minuti l-Pulizija mill-Iskwadra tal-RIU flimkien ma’ dawk tad-Distrett immexxijin mill-Ispettur Roderick Agius flimkien mas-Surġenti Dennis Agius u Joseph Camilleri.

Kif kellmu lir-raġel dan deher jagħmel xi movimenti u għalhekk talbu l-assistenza medika fejn fuq il-post marret ambulanza b’tim mediku fosthom żewġ infermieri. Peress li l-Pulizija sabu oġġetti relatati mat-teħid tad-droga, l-infermieri amminstraw mediċina apposta u r-raġel deher jiġi f’sensih.

Illum.com.mt segwiet dak li kien qed jiġri mill-viċin fejn stajna naraw ftit tal-ħin wara l-istreċer li ddaħħal taħt il-mina fejn kien mitluq ir-raġel reġa’ ddaħħal fl-ambulanza. Aktar tard huwa deher miexi lejn l-ambulanza akkumpanjat mill-membri tal-ambulanza fejn ittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Il-kundizzjoni tiegħu hija waħda stabbli.

Minn fuq il-post il-Pulizija elevaw oġġetti relatati mat-teħid tad-droga fosthom siringa u x’aktarx xi qratas. Il-każ qed ikun investigat mill-Ispetturi Pierre Micallef Grimaud u Roderick Agius tad-Distrett.

Mhux eskluż li kieku ma kienx għall-ġest ċiviku ta’ dak ir-raġel li ċempel għall-assistenza u l-intervent immedjat kemm tal-Pulizija kif ukoll tat-tim mediku, kieku l-konsegwenzi setgħu kienu ħafna agħar. 

More in Kronaka