Illum għall-ħabta tas-1.30pm, uffiċjali tad-Dipartiment tal-Animal Welfare ġew mgħarrfa b’telefonata li kien hemm kelba abbandunata fil-limiti tal-Ħandaq, u li kellha bżonn l-għajnuna immedjata tagħhom.
Kif waslu fuq il-post, l-uffiċjali sabu kelba li kienet maqfula fi xkora ta’ dqiq, b’rasha ġo borża tal-plastik. Wara li tneħħewlha l-affarijiet, il-kelba kienet għadha ħajja u ttieħdet immedjatament fl-isptar San Franġisk f’Ta’ Qali. Skont l-ewwel informazzjoni, jidher li l-kelba kienet f’kundizzjoni gravi iżda stabbli.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jikkundanna bla riżerva dan l-att ta’ krudeltà u moħqrija u diġà informa lill-pulizija. Filwaqt li l-investigazzjoni dwar dan il-każ għadha għaddejja, is-Segretarjat jappella biex kull min għandu xi informazzjoni relatata mal-każ hu mitlub jikkuntattja lill-Pulizija, jew lid-Dipartiment tal-Animal Welfare fuq il-freephone 1717.
L-ILLUM hi mgħarrfa li l-kelba għandha ċippa u b'hekk dan juri li mhux se tkun xi problema kbira biex jinstab is-sid ta' din il-kelba.