Periklu serju minn sidien ta’ powerboats

Jgħaddu b’veloċità eċċessiva minn qrib tfal fuq dgħajjes tal-qlugħ żgħar

Waħda mill-powerboats għaddej qrib ħafna ta' tfal waqt it-taħriġ tal-ibburdjar fil-Bajja ta' San Pawl il-Baħar.
Waħda mill-powerboats għaddej qrib ħafna ta' tfal waqt it-taħriġ tal-ibburdjar fil-Bajja ta' San Pawl il-Baħar.
Powerboats perikolużi f'San Pawl il-Baħar.

Ġenituri ta’ tfal żgħar kif ukoll bugħaddasa u persuni oħrajn ġibdulna l-attenzjoni dwar periklu serju li qed jgħaddu minnu minħabba sewqan eċċessiv ta’ powerboats fil-bajja ta’ San Pawl il-Baħar.

Sorsi li tkellmu magħna, u anke għaddewlna dawn il-filmati, qalulna li dan il-periklu ġeneralment isir fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fi ġranet ta’ festi. Skont is-sorsi hemm diversi sidien ta’ powerboats li qegħdin jiksru l-liġi marittima billi qed isuqu l-powerboats tagħhom b’veloċità eċċessiva qrib il-kosta b’konsegwenza li qegħdin ikunu ta’ periklu serju.

Ġenituri ta’ tfal li jieħdu lill-uliedhom biex jipprattikaw l-ibburdjar qalulna li nhar is-Sibt li għadda, 29 ta’ Novembru 2014, dawn il-powerboats bdew għaddejjin qrib ħafna tagħhom.

“Mhux qed ngħidu li dawn m’għandhomx jipprattikaw in-namur tagħhom, imma suppost li jafu l-liġi marittima u jekk iridu jsuqu b’veloċità eċċessiva, l-ewwel iridu joħorġu mill-bajja jew mill-port,” qalilna wieħed mis-sorsi.

Huma stqarrew li s-sidien ta’ dawn il-powerboats ġeneralment iniżżlu l-opri tal-baħar tagħhom minn mill-moll ta’ Buġibba li hemm quddiem il-Gillieru. Dawn jagħmlu madwar nofs siegħa fil-baħar isuqu ’l barra u ’l ġewwa vicin il-blat, waqtiet minnhom anke sa 50 metru biss kienu.

Dawn mhux biss qed ikunu periklu għal dawn it-tfal imma wkoll għal bugħaddasa fejn darba minnhom waħda mill-powerboats għaddiet qrib ta’ ballun ta’ wieħed minnhom.

Persuna li tkellmet magħna stqarret li ċempilt fuq in-numru tal-emerġenza 112 u għaddewha mill-ewwel maċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Forzi Armati. Iżda minkejja li l-FAM ħadu azzjoni immedjata, xorta meta waslu ma sabu lil ħadd għax il-powerboats kien leħqu ttellgħu peress li ma jagħmlux ħin twil fil-baħar.

Missier, li ibnu jipprattika l-ibburdjar, qalilna li l-organizzaturi biex jevitaw dan il-periklu li darba minnhom poġġew baga viċin l-art biex it-tfal iduru magħha bid-dgħajsa tagħhom, iżda xorta waħda kien hemm powerboats li għaddew b’veloċitá qawwija min-naħa ta’ ġewwa tal-baga.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalulna li l-veloċitá massima hija ta’ 10 knots jew 18-il kilometru fis-siegħa meta tkun qed tinsaq 200 metru mill-kosta. Fejn il-kosta tkun bir-ramel id-distanza hija ta’ 300 metru.

L-istess sorsi qalulna wkoll li mhux l-ewwel darba li tressqu l-Qorti persuni li jabbużaw, iżda dawn joħorġu lliberati għax ma jkunx hemm provi li dawn kienu qed isuqu b’veloċitá eċċessiva. Huma qalulna li l-Qorti titlob jekk il-veloċitá ġietx irrekordjata, imma l-awtoritajiet m’għandhomx l-apparat meħtieġ, bħalma hi speed camera tal-idejn.

Il-multa ta’ min jabbuża hija ta’ madwar €600. 

More in Kronaka