[AĠĠORNAT BIR-RITRATTI 2] Paraglider f’diffikultajiet f’Ħad-Dingli

Ħadu r-riħ u spiċċa jinstabat mal-blat

Sorsi li tkellmu ma' illum.com.mt qalulna li l-Pollakk huwa Marin Bednarz ta' 29 sena. Bħalissa għadu qed jingħata l-kura medika fl-Isptar Mater Dei fejn huwa mifhum li sofra ġrieħi gravi f'xi rukkelli f'daru u partijiet oħra ta' ġismu.

Iktar kmieni...

Raġel, ta’ nazzjonalità Pollakka ta' madwar 25 sena, li kien qiegħed jipprattfika l-isport tal-paragliding sab ruħu f’diffikultajiet u spiċċa jikkraxxja mal-parti ta’ fuq tal-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli.

Persuni li għamlu kuntatt ma’ illum.com.mt qalulna li għall-ħabta tas-2.15pm raw karozzi tal-Pulizija u ambulanza fl-inħawi magħrufin bħala “Wied Ħażrun” li marru biex jassistu raġel meta dan spiċċa fil-parti ta’ fuq tal-irdumijiet.

Huwa mifhum li kien ħabib tal-vittma, ta’ nazzjonalità Rumena, li ċempel għall-assistenza u fi ftit minuti waslu fuq il-post il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit u ambulanza b’infermiera u t-Tabib Jonathan Joslin.

Bil-każ ġew informati wkoll il-membri tas-Salvataġġ mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll l-Armata, iżda peress li ma kienx hem mill-ħtieġa ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ minn fuq l-irdumijiet, il-vittma leħaq ittella’ mill-Pulizija u t-tim mediku.

Wara li ngħata l-ewwel kura meħtieġa fuq il-post stess, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn qed ikompli jingħata aktar kura għal xi ġrieħi li sofra.

L-ewwel indikazzjonijiet juru li l-Pollakk sofra diversi ġrieħi fosthom f’daru u fil-pulmun. Mhux magħruf jekk hux fil-periklu tal-mewt.

Il-Pulizija tad-Distrett, immexxijin mill-Ispettur Mary Edel Camilleri u s-Surġent Christine Bonnici, qed jinvestigaw l-inċident.

More in Kronaka