Il-membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant staqsa lill-Kummissjoni Ewropea jekk iddeċidietx fuq data biex toħroġ 1,700 impjegat, li minnhom 50 huma Maltin, mill-bini Jean Monet fil-Lussemburgu. Dawn l-impjegati qed jaħdmu fil-preżenza tal-asbestos f’dan il-bini mikri lill-Kummissjoni Ewropea wara li kien stabbilit li kien hemm ammont ta’ asbestos.
Alfred Sant staqsa lill-Kummissjoni kemm-il każ ta’ asbestos ġie identifikat f’ħaddiema stazzjonati fil-bini Jean Monet. Staqsa wkoll għaliex il-Kummissjoni Ewropea ħadet 20 sena, mill-ewwel ċaqliq li beda jsir fl-1995, biex toħroġ lill-ħaddiema minn dan il-bini, minkejja l-preżenza konfermata tal-asbestos.
Sant fakkar lill-Kummissjoni Ewropea li fit-30 ta’ Novembru 2009 kienet ħarġet Liġi f’forma ta’ Direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-asbestos fuq il-post tax-xogħol.
Rapporti mhux uffiċċjali jgħidu li żewġ impjegati li jaħdmu f’dan il-kumpless ġew affettwati bil-preżenza tal-asbestos.