Serqa u att vandalu fil-Millennium Chapel f’Paceville

Ħallelin serqu b’aktar minn €700 u għamlu ħafna ħsara.

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Il-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa ta’ San Ġiljan qegħdin jinvestigaw serqa u att vandalu mill-Millennium Chapel f’Paceville fejn il-kriminali serqu b’aktar minn €700 fi flus u għamlu b’mijiet ta’ ewro ħsarat. Is-serqa saret fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

Jidher li l-ħallelin stennew li l-Kappella, li ħafna jafuha bħala l-post li welled Fr Hilary Tagliaferro, tkun magħluqa fejn skont l-istess Fr Hilary din tingħalaq fis-2.00 a.m.

Kien għall-ħabta tas-7.00 a.m. li l-Pulizija ġew informati b’dan ir-reat. Il-ħallelin kissru ħġieġa ta’ tieqa tonda biex daħlu fil-post. Il-kriminali ma kienux kuntenti bil-flus fejn minn żewġ kaxxa tad-donazzjonijiet serqu aktar minn €300 u madwar €400 mill-cash register li hemm fil-ħanut tal-kotba. Kif kienu hemm huma kissru Bambini, vetrini u oġġetti oħrajn li jiswew mijiet ta’ ewro.

Huwa mifhum li l-Pulizija elevaw diversi filmati li nġibdu minn cameras tas-sigurtá li hemm fl-inħawi.

Fr Hilary ġie kkwotat jgħid li min wettaq dan ir-reat seta’ mar jitlob għall-għajnuna u din kienet tingħata.

 

 

More in Kronaka