(Aġġornat bid-dettalji) Pulizija impenjati f’ġirja wara suspettat

Tinstab il-karozza…. Għadha għaddejja t-tfittxija għar-raġel. Saq għal fuq il-Pulizija

Ritratt arkivji
Ritratt arkivji

Il-każ kellu l-bidu tiegħu għall-ħabta tal-11.30 a.m. meta l-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa ta’ Bormla għarfu lir-raġel li dak il-ħin kien mixi fl-inħawi tal-Birgu u kif marru biex ikellmuh huwa daħal fil-karozza tiegħu Hyundai ħamra biex jaħrab. Il-Pulizija ppruvaw iwaqqufh imma dan saq għal fuqhom. Minn hemm bdiet ġirja bil-karozzi li mill-Birgu saq b’veloċitá eċċessiva fid-direzzjoni ta’ Bormla bil-Pulizija ssuq għal warajh.

Kif kien qed isuq b’manjiera perikoluża huwa laqat vann iżda baqa’ sejjer. Il-Pulizija talbu l-assistenza tal-kollegi tagħhom tar-Rapid Intervention Unit li ngħaqdu ma’ dawk tad-Distrett, iżda kif kienu fl-inħawi ta’ Raħal Ġdid il-Pulizija tilfuh.

Aktar tard waranosfinhar, għall-ħabta tas-1.50 p.m., il-Pulizija sabu l-karozza abbandunata fil-Fgura qrib l-istabbiliment il-Gallarija li kienet ipparkjata ħażin u msakkra, imma l-Bormliż ma kien hemm l-ebda sinjal tiegħu.

Fuq il-post fejn instbet il-karozza marru wkoll il-Pulizija tad-Distrett fejn anke ġie informat l-Ispettur Jason Sultana mill-Għassa ta’ Tas-Sliema li qed jinvestiga l-każijiet ta’ serq li r-raġel huwa mfittex fuqhom. Huwa mifhum li l-Ispettur Sultana mar il-Fgura fejn insabet il-karozza tas-suspettat.

Sakemm lestejna dan ir-rapport il-Pulizija kienu għadhom qed ifittxu lir-raġel.

More in Kronaka