Tard l-Erbgħa filgħaxija, għall-ħabta tal-11.10 p.m. il-Pulizija tad-Distrett arrestaw lil Seykou Ballde ta’ 32 sena mill-Guinea li nhar it-Tnejn li għadda ħarab mill-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan fejn kien qed jinżamm fuq allegat każ ta’ stupru fuq mara Maltija.
Tliet Pulizija, PC Joseph Buttigieg, PC Kenneth Victor Cini u PC Frank Cutajar, mill-Għassa tal-Qawra, waqt li kienu fuq ronda innuttaw raġel suspettuż li kien mixi fi Triq il-Ħġejjeġ f’Buġibba. Kif resqu lejh għarfuh bħala Seykou Ballde. Huma waqfuh u bl-assistenza ta’ Pulizija oħrajn mill-Iswadra ta’ Kontra l-Vizzji u ġie iddentifikat bħala l-persuna li kien imfittex għal dawn l-aħħar jumejn.
Seykou Ballde ttieħed l-Għassa tal-Qawra fejn qed jinżamm għal aktar stħarriġ.
L-ewwel darba li Ballde kien arrestat matul illejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta minn wara intervent f’waqtu minn żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit li allegatament kien qiegħed jistupra mara fi Triq San Ġorġ, f’Paceville.
Huwa ttieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan fejn baqa’ jinżamm arrestat.
Aktar tard dakinhar stess, għall-ħabta tas-7.30 p.m., Seykou Ballde rrnexxielu joħroġ idejh mill-mannetti waqt li kien fl-Għassa ta’ San Ġiljan u ħarab min-naħa ta’ wara.
Minn dak il-ħin sa ftit siegħat qabel ma ġie arrestat f’Buġibba, il-Pulizija rċevew diversi telefonati dwar fejn kien deher. Fost il-postijiet li l-Pulizija ntbgħatu fejn suppost rawh kien f’Buġibba stess, Swieqi, San Ġiljan, Ħamrun u lokalitajiet oħrajn.