Għawdxi ħelisha mingħajr ebda ġrieħi meta trailer li kien qed iġorr container tal-40 pied skiddja u baqa’ dieħel head-on fil-Pajero tal-Għawdxi.
Dan l-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.15 p.m. fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ u jidher li l-kawża kienet iż-żlieq li kien hemm fit-triq minħabba x-xita. It-trailer kien qed jinstaq minn raġel ta’ 53 sena mill-Imsida fid-direzzjoni tar-Rabat meta mid-direzzjoni opposta kien ġej Pajero misjuq minn raġel ta’ 27 sena mir-Rabat, Għawdex.
Jidher li s-sewwieq tat-trailer tilef il-kontroll minħabba li l-art kienet imxarba b’konsegwenza li mar fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Is-sewwieq tal-Pajero ipprova jevitá l-ħabta, imma ma kellux fejn imur u t-trailer baqa’ dieħel head-on fil-Pajero li kaxkru ftit metri lura.
B’xorti tajba l-Għawdxi ma sofra l-ebda ġrieħi minkejja l-impatt qawwi tant li l-windscreen tkisser u l-Pajero ġarrab ħsarat estensivi. Anke s-sewwieq tal-trailer ma sofra l-ebda ġrieħi.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Dennis Agius flimkien mal-Kuntistabbli Mark Cutajar filwaqt li l-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku dderiġew it-traffiku fejn it-traffiku li kien sejjer lejn ir-Rabat kien devjat mit-triq sekondarja.