ESKLUSSIVA - Kalkariż għadu mfittex

Tlett ijiem ilu pprova jtajjar żewġ Pulizija. Ħareġ mill-Ħabs seba’ ġimgħat ilu

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Il-Pulizija għadha qed tfittex raġel ta’ 33 sena, li  għall-ewwel ingħad li huwa minn Bormla meta fil-fatt huwa mill-Kalkara, li nhar it-Tlieta, 16 ta’ Diċembru allegatament ipprova jtajjar żewġ Pulizija fil-Birgu biex jaħrab u waqt li kien qed ikun segwit mill-Pulizija ħabat ma’ vann u baqa’ sejjer. Ftit inqas minn seba’ ġimgħat ilu l-istess raġel skonta sentenza ta’ priġunerija dwar akkużi ta’ serq. Nhar it-Tlieta stess illum.com.mt irrapporta din l-istorja b’mod esklussiv.

Kelliem għall-Pulizija qal lil illum.com.mt li dan ir-raġel għadu fil-lista ta’ persuni mfittxija mill-Pulizija, iżda s’issa l-Pulizija mhumiex f’pożizzjoni li jgħaddu lil midja la d-dettalji u lanqas ritratt tal-individwu kif ukoll lanqas ma qegħdin jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku biex jinstab.

Ir-raġel kien qed ikun imfittex mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema fuq każijiet ta’ serq ta’ karozzi u minn karozzi. Għaldaqstant inħareġ avviż ta’ tfittxija għalih. Nhar it-Tlieta għall-ħabta tal-11.30 a.m. żewġ Pulizija tad-Distrett mill-Għassa ta’ Bormla kienu fuq ronda fil-Birgu meta għarfu lir-raġel. Kif marru biex ikellmuh huwa daħal fil-karozza tiegħu Hyundai ħamra biex jaħrab. Il-Pulizija ppruvaw iwaqqufh imma dan saq għal fuqhom. Minn hemm bdiet ġirja bil-karozzi li mill-Birgu b’sewqan b’veloċitá eċċessiva u perikoluża fid-direzzjoni ta’ Bormla bil-Pulizija ssuq għal warajh.

Waqt din il-ġirja sfrenata s-suspettat laqat vann iżda baqa’ sejjer. Il-Pulizija talbu l-assistenza tal-kollegi tagħhom tar-Rapid Intervention Unit li ngħaqdu ma’ dawk tad-Distrett, iżda kif kienu fl-inħawi ta’ Raħal Ġdid is-suspettat irnexxielu jiżgiċċa.

Dakinhar stess għall-ħabta tas-1.50 p.m., il-Pulizija sabu l-karozza abbandunata fil-Fgura qrib l-istabbiliment il-Gallarija li kienet ipparkjata ħażin u msakkra, imma l-Kalkariz ma kien hemm l-ebda sinjal tiegħu.

Peress li r-reati ta’ serq saru f’Tas-Sliema, il-każ qed ikun investigat mill-Ispettur Jason Sultana mill-Għassa ta’ Tas-Sliema.

 

More in Kronaka