Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-5.00 .m., sewwieq li kien qed isuq fi Triq il-Kosta, limiti tan-Naxxar, tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu kważa ta’ żlieq minħabba li t-triq kienet imxarba.
Sewwieq ieħor li kien għaddej mill-istess triq waqaf biex jassisti sakemm fuq il-post jasal tow-truck biex jiġbed il-karozza. Għaldaqstant is-“Samaritan tajjeb”, raġel ta’ 48 sena, beda jagħmel sinjali lis-sewwieqa l-oħrajn bit-torċa.
Fuq il-post marru kemm il-Pulizija tal-RIU u ftit wara dawk tad-Distrett, iżda peress li ħadd ma weġġa’ u jidher li l-karozza involute fl-inċident ma kinitx qed tostakola t-traffiku, il-Pulizija ma baqgħux fuq il-post.
Meta wasal it-tow-truck, is-“Samaritan tajjeb” kompla jagħmel is-sinjali lis-sewwieqa l-oħrajn. Jidher li t-traffiku beda mixi bilmod u qed ikun allegat li wieħed mis-sewwieqa, raġel ta’ 28 sena, ma tantx niżlitlu tajjeb tant li dan waqaf u beda jargumenta mar-raġel ta’ 48 sena.
L-argument saħan sew tant li ż-żewġt irġiel ġew fl-idejn u minkejja li s-sewwieq tat-tow-truck ipprova jferraqhom, dawn xorta komplew jiġġieldu. Meta kkalmaw it-tnejn spiċċaw fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fejn qed jingħad li r-raġel ta’ 48 sena sofra xi ksur f’wiċċu filwaqt li dak ta’ 28 sena għandu ksur fi mnieħru.
Il-Pulizija tad-Distrett reġgħu ġew informati b’dan l-iżvilupp, iżda peress li jidher li ż-żewġt irġiel irranġaw bejniethom, jidher li l-Pulizija mhux se tipproċedi bil-każ.