AĠĠORNAT
Maria Degabriele ta' 76 sena minn Ħ'Attard tilfet ħajjitha meta għall-ħabta tat-8.30 p.m. kienet miexja fuq il-bankina ma' anzjana oħra ta' 70 sena . Dak il-ħin karozza Toyota Vitz, misjuqa minn Robert Micallef ta' 28 sena minn Birkirkara laqat liż-żewġ anzjani u Degabriele mietet fuq il-post kawża tal-ġrieħi gravi li sofriet.
Is-sewwieq qed jallega li kif kien qd isuq fi Triq Victor Vassalli ra karozza qed tinsaq b'lura bla dawl ġejja fid-direzzjoni tiegħu u biex jevitaha, ġibed lejn il-lemin b'konsegwenza li laqat liż-żewġ nisa, baqa' dieħel fil-parapett u l-karozza spiċċat f'nofs it-triq.
Fuq il-post ta' dan l-inċident fatali marru l-Pulziija tad-Distrett immexxijin mill-Ispettur Luke Bonello flimkien mas-Surġent Antoine Zammit. Il-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku marru jassistu fejn għalqu parti mit-triq miż-żewġ naħat.
Il-Maġistrat tal-Għassa. Dr Doreen Clarke, mexxiet l-aċċess fuq il-post tal-inċident u ħatret lill-Prokuratur Legali Mario Buttigieg, lit-Tabib Forensiku Mario Scerri, lill-Perit Richard Aquilina u lit-Tekniku Joseph Zammit flimkien mal-Pulizija tal-Fotografija.
L-eks-Patri Karmelitan, Joe Baluci, li kien għaddej mill-inħawi waqaf u bil-permess tal-Maġistrat mar ħdejn il-kadavru tal-anzjana u jagħmel xi talb.
Dan huwa l-11-il inċident fatali din is-sena.
Iktar kmieni...
Anzjana ta’ 76 sena residenti Ħ’Attard tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Victor Vassalli, Ħ’Attard stess.
Mill-ewwel investigazzjonijiet fuq il-post irriżulta li waqt li żewġ nisa – il-vittma u mara ta’ 70 ukoll residenti Ħ’Attard kienu mixjien fuq il-bankina fl-imsemmija triq, il-mara ta’ 76 sena ġiet milquta minn vettura tat-tip Toyota Vitz li kienet qed tiġi misjuqa minn raġel ta’ 28 sena residenti Birkirkara. Il-vettura kienet qed tiġi misjuqa direzzjoni minn Ħ’Attard lejn ir-Rabat meta għal xi raġuni s-sewwieq tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu laqat lill-mara u kellu impatt ma’ parapett ta’ residenza.
Fuq il-post issejħet l-assistenza medika mill-Isptar Mater Dei, iżda kawża tal-ġrieħi li ġarrbet il-mara sfortunatament tilfet ħajjitha. Il-mara ta’ 70 sena ma ġarrbet ebda ġrieħi iżda tinstab taħt shock.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Clarke LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li appuntat.