Il-biża mit-terroriżmu iżlamiku . . .
Kull immigrant irregolari li jidħol Malta jkun investigat bir-reqqa
More in Kronaka
Kull immigrant irregolari li jidħol Malta jkun investigat bir-reqqa
L-episodji teroristiċi li seħħew din il-ġimgħa madwar id-dinja komplew nisslu ammont ta’ biża fost il-popli madwar id-dinja inkluż f’Malta.
Ix-xenarju ta’ għexieren ta’ tfal maqtula fil-Pakistan, il-ħtif ta’ Kafe’ f’Sydney l-Awstralja u l-ħtif ta’ ostaġġ f’appartament fil-Belġju komplew żiedu l-biża u rabja fost in-nies filwaqt li ħafna spiċċaw isaqsu jekk hemmx terroristi li qed jippużaw bħala immigranti biex jidħlu f’pajjiżi Ewropej.
Din il-gazzetta tkellmet ma’ sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija Maltija li qalu li kull immigrant illegali li jidħol Malta qed ikunu investigati bir-reqqa anke ma’ Pulizija internazzjonali fosthom l-Interpol u l-Europol.
Spjegaw li kull immigrant mal-wasla f’Malta jkun interrogat u kif ukoll jittieħdulu l-marki tas-swaba’ u ritratti. Din l–informazzjoni mbagħad tintbgħat lill-Pulizija barra minn Malta. “Ma nemmnux li fost dawk l-immigranti rregolari li jaslu Malta, jew li jkunu salvati, fosthom hemm xi elementi terroristiċi. Terrorist jista’ jidħol Malta b’mod legali mill-ajruport jew bil-baħar u mhux bħala immigrant li jissogra ħajtu fuq dgħajsa jew dinghy.”
Intant fil-jiem li għaddew il-midja Taljana rrapportaw li l-Maġistrati Sqallin qegħdin jinvestigaw jekk fost l-immigranti rregolari li daħlu fuq dgħajjes jew li anke kienu salvati mill-istess forzi tal-ordni Taljani, seta’ kienx hemm estremisti li rrnexxielhom jinfiltraw ma’ dawk l-immigranti li ħarbu minn pajjiżhom bit-tama li jsibu ħajja aħjar fl-Ewropa.
Skont l-istess midja Taljana fost dawn l-immigranti li waslu fil-kosta ta’ Sqallija fl-aħħar xhur kien hemm estremisti li huma marbutin mal-grupp ISIS li huma attivi fl-Iraq u s-Sirja.
Dan is-suspett tqajjem mill-Prosekutur ta’ Palermo li fetaħ investigazzjoni dwar din l-infiltrazzjoni. Skont il-ġurnali Taljani kemm dawk stampati kif ukoll fuq l-internet, qed jgħidu li sorsi qrib is-servizz tal-intelliġenza, membri tal-ISIS li allegatament waslu l-Italja huma ċittadini Libjani u Sirjana.
Fl-aħħar xhur, il-Ministru tal-Intern Taljan, Angelino Alfano saħaq dwar “infiltrazzjoni terroristika”. Huwa indika li “l-bieb tad-dħul” għal dawn il-membri tal-ISIS hija Sqallija.
Mill-bidu ta’ din is-sena waslu 197,000 immigrant illegali fi Sqallija. Informazzjoni kunfidenzjali miġbura mill-prosekuturi f’Palermo tgħid li dan imur lil hinn mill-allarm ġenerali. Uħud mill-persuni suspettati diġá telqu mit-territorju Taljan, iżda l-investigaturi jemmnu li għad fadal numru mhux ħażin li għadhom l-Italja.