(AĠĠORNAT) L-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga tkompli bis-suċċessi

Suspettat saq għal fuq il-Pulizija u ħabat ma’ karozzi weqfin qabel ġie arrestat

Ritratt arkivji
Ritratt arkivji

 

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga mmexxijin mill-Assistant Kummissarju Norbert Ciappara kompliet taħdem biex telimina kemm jista’ jkun droga minn pajjiżna meta f’operazzjoni li bdiet is-Sibt filgħaxija waslet fi tmiemha dalgħodu. Waqt din l-operazzjoni s-suspettat saq għal fuq tliet Pulizija f’tentattiv li jaħrab. 

Il-każ kellu l-bidu tiegħu tard is-Sibt mal-wasla tal-Catamaran fil-Port il-Kbir. Hemmhekk il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga flimkien mal-uffiċjali tad-Dwana waqfu mara barranija, x’aktarx ta’ nazzjonalitá Afrikana, u minn tfittxija li saret irriżulta li din kienet qed iġorr madwar tliet kili ta’ kokaina.

Il-mara nżammet mill-Pulizija fejn qed ikun allegat li l-istess mara ttieħdet f’post Paceville u nżammet taħt osservazzjoni stretta.

Sorsi li tkellmu ma’ illum.com.mt qalulna li dalgħodu ftit wara l-10.00 a.m. deheret karozza misjuqa minn raġel Malti, li huwa magħruf mal-Pulizija fiċ-ċirku ta’ traffikar tad-droga, riesqa lejn l-istess lukanda biex ir-raġel jiltaqa’ mal-mara barranija biex jiġbor id-droga.

Persuni li nzertaw fl-inħawi qalulna li dan ir-raġel x’aktarx li nduna li kien hemm il-preżenza tal-Pulizija u pprova jaħrab minn fuq il-post. Kif il-Pulizija raw li dan kien se jaħrab ippruvaw iżommuh, iżda dan saq għal fuq il-Pulizija anke dawk li kienu fuq il-bankina.

F’tentattiv iddisprat biex jaħrab, dan laqat xi karozzi li kienu pparkjati u kien hawn li twaqqaf u ġie arrestat, qalulna persuni li kienu fuq il-post. L-istess sorsi ddiskrivew ix-xena bħala waħda li ġeneralment jaraw fil-films. Huma kellhom kliem ta’ tifħir għal mod kif ħadmu l-Pulizija u arrestaw lil dan ir-raġel.

Waqt din l-operazzjoni kienu tliet Pulizija li sofrew xi ġrieħi għalkemm mhux magħruf jekk dawn humiex gravi jew le.

Kemm il-mara barranija kif ukoll ir-raġel qed jinżammu mill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Aġġornat

Ftit tal-ħin ilu l-Pulizija kkonfermat fi stqarrija dak li żvelajna aktar qabel. Il-Pulizija qalu li l-mara hija Niġerjana ta' 28 sena residenti l-Italja, u li ġiet arrestata mal-wasla tagħha f’Malta fuq il-Catamaran minn Pozzallo. Id-droga nstabet f'qiegħ falz ta’ bagalja li l-mara kienet qegħda ġġorr.
Il-Pulizija qalet li raġel Malti ta’ 35 sena huwa minn Ħal Safi u ġie arrestat wara li allegatament mar biex jiġbor id-droga mingħand il-mara.

Hekk kif il-Pulizija ppruvat  twaqqaf  lil dan ir-raġel, hu rikeb f'vettura u pprova jaħrab minn fuq il-post billi saq fuq il-bankina  b’konsegwenza  li ħabat ma’ diversi vetturi pparkjati u waqaf wara li ħabat ma' arblu tad-dawl.

Waqt din l-operazzjoni, tliet Pulizija sofrew xi ġrieħi. Għaldaqstant huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei, fejn ġew ċċertifikata li sofrew ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Iż-żewġ persuni qed jinżammu taħt arrest sabiex jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

 

More in Kronaka