Anzjan jintlaqat b'karozza fil-Furjana. Video John Pisani
Aġġornat
S’issa għadu mhux magħruf xi ġrieħi sofra l-anzjan, iżda l-Pulizija kkonfermat li mhux fil-periklu tal-mewt. Min-naħa l-oħra l-mara, li għandha 33 sena minn Ħal Luqa, ttieħdet iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana minħabba li kienet qed issofri minn xokk.
Huwa mifhum li l-anzjan x’aktarx li ħareġ minn bejn żewġ karozzi u hekk kif il-mara daret fuq il-lemin sabitu ma’ wiċċha. Mad-daqqa l-anzjan ħabat rasu mal-windscreen tal-Mazda li kienet qed isuq il-mara u baqa’ nieżel fl-art.
Fuq il-post issejħet ambulanza b’infermiera li ħadu lill-anzjan l-Isptar Mater Dei fejn għadu qed jingħata l-kura medika.
Fuq dan l-inċident marru l-Pulizija tad-Distrett foshtom is-Surġenti Brendan Borg, Marlon Hili u Josann Borg Scerri.
Persuni li tkellmu ma’ illum.com.mt qalulna li minkejja li ftit metri ’l fuq minn fejn seħħ dan l-inċident hemm ‘zebra crossing’, xorta waħda huma ħafna li jirriskjaw u ma jużawx iż-‘zebra crossing’. L-istess jiġri fi Triq Sant’Anna fil-Furjana stess fejn ftit huma dawk li jużaw is-‘subway’ biex jaqsmu din it-triq li hija traffikuża ħafna.
Ftit tal-ħin ilu raġel anzjan ta' 74 sena minn Ħal-Qormi spiċċa mtajjar minn karozza tat-tip Mazda misjuqa minn mara fi pjazza M.S. Tonna fil-Furjana.
Jidher li l-mara kienet ħierġa minn Triq San Publiju direzzjoni lejn il-Belt meta sabet lill-anzjan qed jaqsam it-triq u laqtitu. Fuq il-post bħalissa hemm ambulanza li qed tassisti l-anzjan.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.