Aġġornament
Mill-awtopsja li saret fuq il-kadavru ta' Jeffrey Borg, irriżulta li huwa miet b'kawża naturali minkejja li fl-appartament instabet sustanza suspettuża li tindika li hija droga.
Iktar kmieni....
Matul illejl li għadda l-Pulizija kienu msejħin f’appartament fi Triq il-Villeġġjatura f’San Pawl il-Baħar wara li raġel kien ilu ma jidher xi jiem. Għalkemm l-ewwel indikazzjonijiet kienu jidhru li r-raġel miet b’kawża naturali, minħabba sustanza li nstabet fl-appartament il-Pulizij mhix teskludi li r-raġel seta’ miet b’ċirkostanzi suspettużi.
Kien ħu l-vittma li informa lill-Pulizija li kien ilu ma jara lil ħuh għal dawn l-aħħar tliet ijiem. Għall-ħabta tas-2.00 a.m. l-Pulizija akkumpanjati minn ħu l-vittma fetħu l-appartament fejn sabu lil Jeffrey Borg ta’ 38 sena mejjet fil-kamra tas-sodda wiċċu ’l fuq. Peress li Borg kien diabetiku għall-ewwel il-Pulizija ħasbu li l-vittma miet b’kawż naturali.
Bħala proċedura fuq il-post issejħu wkoll l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat biex ikun aċċertat li ma kienx hemm terzi persuni involuti u waqt tfittxija li saret fl-appartament instabet sustanza ta’ trab kif ukoll xi qratas bl-istess sustanza li mhux qed ikun eskluż li tista’ tkun droga.
Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat Dr Marsann Farrugia li ordnat inkjesta u ħatret lit-Tabib Forensiku Mario Scerri bħala espert tal-Qorti. Il-kadavru ttieħed fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei fejn dalgħodu mistennija ssir l-awtopsja.
Minħabba s-suspett li dan il-każ jista’ jkun allegat overdose ta’ droga, il-Pulizija ssiġġillaw l-appartament biex ix-xena tibqa’ ppreservata.
L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Maurice Curmi tad-Distrett.
Aġġornament
Dalgħodu fl-appartament ta' Borg reġgħu marru l-Pulizija tal-Forensika flimkien mal-investigaturi kemm mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, fosthom mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga, kif ukoll tad-Distrett. Huma damu fl-appartament għal ħin twil jiflu l-post.
Nifhmu li l-Pulizija se jkunu qed jistennew kemm ir-riżultat tal-awtopsja kif ukoll dak tossikoloġiku biex ikunu jafu b'ċertezza l-kawża tal-mewt.