Feriment ieħor f’Paceville

Il-Pulizija qed tfittex raġel x’aktarx barrani

Ritratt arkivji
Ritratt arkivji

Sfortunatament f’Paceville, il-mekka tad-divertiment, reġa’ seħħ feriment ieħor fejn żewġ żgħażagħ sofrew ġrieħi gravi meta sfaw aggrediti sikkina.

Għalkemm il-Pulizija ma setgħux jikkonfermawlna jekk l-aggressur hux barrani jew le, sorsi li kienu Paceville matul illejl li għadda qalu lil illum.com.mt li għall-ħabta tas-1.10 a.m. meta kienu fl-inħawi ta’ Triq Santu Wistin qrib parkeġġ, semgħu tliet ġuvintur, tnejn Maltin u barrani, jargumentaw bil-lingwa Ingliża. F’daqqa waħda l-barrani ħareġ dik li deheret sikkina mill-but u beda jxejjirha fid-direzzjoni taż-żewġ Maltin.

L-istess sorsi qalulna li ż-żewġ Maltin, it-tnejn ta’ 22 sena u t-tnejn minn Ħaż-Żebbuġ, intlaqtu f’idejhom, sidirhom, spalla u partijiet oħrajn ta’ ġisimhom. Il-barranin, deskritt bħala twil u rqiq, bjond u xagħru mqaxra, kien liebes hoody griż u anke deher iġorr basket wara dahru.

Iż-żewġ Maltin ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn instabu li qegħdin isofru minn ġrieħi gravi, iżda mhumiex fil-periklu tal-mewt.

Il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk mill-RIU bdew tfittxija għas-suspettat iżda s’issa għadu ma nstabx.

B’dan il-feriment ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa, Dr Marsann Farrugia, li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti tal-Qorti fosthom lis-Siroloġista Marisa Cassar u lit-Tabib Forensiku Mario Scerri flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

Barra li l-Pulizija kellmu lil xi persuni, huwa mifhum li elevaw filmati minn cameras tas-sigurtá li hemm ma’ stabbilimenti fl-inħawi biex ikun iddentifikat l-agggressur.

L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Elton Taliana tad-Distrett.

More in Kronaka