Jinqabad ir-raġel li ilu mfittex iktar minn ġimgħa
Il-Pulizija tal-RIU grew warajh f’Ħal Safi
More in Kronaka
Il-Pulizija tal-RIU grew warajh f’Ħal Safi
Wara aktar minn ġimgħa li ilu mfittex mill-Pulizija, raġel mill-Kalkara nqabad f’Ħal Safi, imma mhux wara li ħarab bil-ġiri u l-Pulizija kellhom jiġru warajh.
Illum għall-ħabta tas-2.50 p.m. il-Pulizija ġew informati li qrib iċ-Ċentru tal-Partit Laburista ta’ Ħal Safi kien hemm raġel suspettuż li x’aktarx kien qed jagħmel użu minn karozza misruqa.
Fi ftit minuti waslu fuq il-post il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit u kif is-suspettat induna bil-preżenza tal-Pulizija rema’ basket li kellu f’idejh u ħarab bil-ġiri. Minnufih il-Pulizija telqu jiġru warajh u dan inqabad ftit tal-ħin wara fi Triq il-Puniċi.
Irriżulta li r-raġel huwa l-istess wieħed li kien ilu mfittex fuq serq ta’ karozzi u minn karozzi fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u li nhar it-Tlieta, 16 ta’ Diċembru pprova jtajjar żewġ Pulizija fil-Birgu biex jaħrab ukoll mill-Pulizija.Dakinhar meta kien qed ikun segwit mill-Pulizija, ir-raġel ħabat ma’ vann u baqa’ sejjer.
L-istess raġel skonta sentenza ta’ priġunerija dwar akkużi ta’ serq tant li ħareġ mill-Ħabs madwar xahrejn ilu.
Minn tfittxija li għamlu l-Pulizija fil-basket li s-susspettat rema’ qed ikun allegat li nstabu oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga. Huwa ġie arrestat u ngħata f’idejn il-Pulizija tad-Distrett.
Mill-istħarriġ li għamlu l-Pulizija jirriżulta li l-karozza li kien qed isuq l-istess raġel ġiet irrapportata misruqa lbieraħ filgħaxija mill-inħawi taż-Żejtun.
Peress li r-raġel kien qed ikun imfittex fuq reati f’Tas-Sliema, bl-arrest tiegħu ġie informat l-Ispettur Jason F. Sultana li qed ikompli jinvestiga l-każ u jinterroga s-suspettat.