Ftehim bejn il-PBS u It-Tv taċ-Ċina
Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-bdil ta' programmi tal-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku
More in Kronaka
Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-bdil ta' programmi tal-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku
Il-ftehim jikkonċerna t-trasmissjoni permezz tas-satellita u FTP ta' programmi u servizzi li jkunu ġew imxandra jew li ser ikunu ser jiġu mxandra mill-entita' l-oħra skond il-faċilitajiet tekniċi; il- proviżjoni ta' għażliet mill-aħbarijiet, iffilmjar u produzzjoni ta' rapporti ġurnalistiċi fuq suġġetti ta' interess b'verżjoni akustika internazzjonali u bil-lingwa Ingliża.
L-entita' li jkollha bżonn is-servizz tista' tuża l-materjal mitlub kif awtorizzata mill- organizzazzjoni imsieħba fil-ftehim fl-istazzjonijiet radjotelevisivi u websites tagħha biss. Permezz tal-ftehim il-PBS kisbet benefiċċji u vantaġġi ġodda billi tista' tirċievi, tirrekordja u tuża liberament bla ħlas siltiet kif tinħtieġ mill-programmi ta' aħbarijiet imxandra mill-kanali satellitari CCTV (Kanal internazzjonali bic-Ciniz); CCTV-News (kanal bl-Ingliż), u CCTV-F (kanal bil-Franċiż).
Il-Ftehim jinkludi d-dritt reċiproku li jixxandru aħbarijiet bl-awtorizzazzjoni għall-aċċess bla ħlas għas-sinjali diretti kif imxandra mill-kanali satellitari. Il-PBS u c-CCTV (China Central TV) qablu wkoll li jistiednu timijiet ta' ġurnalisti u tekniċi għal intervisti indipendenti jew konġunti, kif ukoll għall- iffilmjar meħtieġ.
Iċ-Ċermen Tonio Portughese ffirma f'isem il-PBS waqt li s-Sur Li Yi, Vici Direttur taċ-Ċina Central Television News Centre ffirma f'isem ic-CCTV.
Dan il-ftehim jwessa' r-relazzjonijiet u l-opportunitajiet bejn Malta u ċ-Ċina fil-qasam tax-xandir pubbliku waqt li jwieġeb għall-istrateġija tal-PBS li twessa' d-dimensjoni internazzjonali tagħha bi ftehim u arranġamenti fosthom mar-Radiotelevisione tar-Repubblika ta' San Marino; Radio Vaticana u c-Centro Televisivo Vaticano; il-BBC; l-Unjoni Radjutelevisiva ta' Franza; ir-RAI Radiotelevisione Italiana; TVEspanol;il-korporazzjoni tax-xandir ta' Ċipru u tal-Portugal; il- European Broadcasting Union; EuroRadio; l-Unjoni tax-Xandir Mediterranja;il-korporazzjoni tal-Korea t'isfel, Radio Bulgarija u r-Radjutelevizjoni TRT tat-Turkija.