Sewwieq ħelisha ħafif f’inċident f’Għawdex

Waqa’ bil-karozza m’għola sular f’wied

Żagħżugħ Għawdxi ta’ madwar 23 sena ħelisha bi ftit ġrieħi ħfief meta waqa’ għoli ta’ madwar sular bil-karozza tiegħu kmieni dalgħodu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.15 a.m. meta ż-żagħżugħ kien qed isuq karozza Ford Ka fl-inħawi ta’ Santa Luċija, f’Għawdex. Is-sewwieq qal li f’daqqa waħda l-karozza żviluppatilha ħsara mekkanika b’konsegwenza li ma kellux kontroll fuq il-karozza u din baqgħet niżla fil-wied.

Fuq il-post marru l-Pulizija tal-Mobile flimkien ma’ dawk mit-Taqsima tat-Traffiku li talbu l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili. B’xorti tajba s-sewwieq kien leħaq ħareġ mill-karozza waħdu. Huwa ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanza fejn instab li sofra ġrieħi ħfief.

Rapport tal-inċident tħejja mill-Pulizija tad-Distrett.

Persuni li huma midħla sew tal-inħawi qalulna li s-sewwieq ħelsiha ħafif għax kien liebes is-seatbelt u li b’xorti tajba l-karozza għaddiet minn bejn xi siġar għax kieku l-konsegwenzi kienu jkunu gravi.

 

 

More in Kronaka