Bulgara tressqet il-Qorti b’urġenza

Aggredit Surġent tal-Pulizija wara rapport ta’ storbju

 

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Detalina Doneva, Bulgara ta’ 48 sena residenti Tas-Sliema, tressqet il-Qorti taħt arrest mill-Ispettur Jason F. Sultana aktar kmient llum fejn ġiet mixlija b’diversi akkużi fosthom li aggredit Surġent tal-Pulizija.

Dalgħodu għall-ħabta tas-2.00 a.m. il-Pulizija waslilhom rapport ta’ ħafna storbju f’appartament fi Triq Viani, f’Tas-Sliema. Meta l-Pulizja tad-Distrett, immexxijin mis-Surġent Sandro Mangion, marru biex jinvestigaw setgħu huma wkoll jisimgħu ħafna storbju ġej mill-appartament indikat fejn dak il-ħin kien  hemm madwar sitt persuni fejn kien għaddej festin.

Kif il-Pulizija ħabtu l-bieb, fetħet l-akkużata u bdiet targumenta mal-Pulizija. Is-Surġent ipprova jikkalmaha u kien hawn Doneva xejret daqqa ta’ sieq fid-direzzjoni tas-surġent imma ma laqtitux. Kif rat hekk il-Bulgara resqet aktar viċin u xejret daqqa ta’ sieq oħra fejn din id-darba laqtet lill-uffiċjal tal-Pulizija.

Meta l-Pulizija ipprovaw jikkalmaw lill-mara, hija rreżistiethom. Għaldaqstant Doneva ġiet arrestata. Il-persuni l-oħrajn li kienu fl-appartament flimkien ma’ Doneva fl-ebda ħin ma daħlu fl-argument.

Aktar tard illum Doneva tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Consuelo Scerri Herrera u ġie akkużata li llum, il-Ġimgħa 26 ta’ Diċembru għall-ħabta tas-2.00 a.m. attakkat u għamlet reżistenza bi vjolenza fuq is-Surġent Mangion. Akkużi oħrajn huma li l-Bulgara kissret il-paċi pubblika b’għajjat u ħsejjes oħrajn u li ma obditx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.

Doneva għażlet li ma jkollix avukat biex jirrappreżentaha u ammettiet l-akkużi miġjubin kontra tagħha. Wara li ngħatat il-parir biex terġa’ taħsibha dwar l-ammissjoni, il-Bulgara għażlet li tibqa’ tammetti.

Għaldaqstant il-Qorti kkundanat lil Detalina Doneva sitt xhur priġunerija sospiżi għal sentejn u mmultatha s-somma ta’ €4,000.

More in Kronaka