Wara tlett ijiem mitluq fl-art għall-kesħa

Anzjan ieħor salvat fil-ħin mill-Pulizija tad-Distrett fi spazju ta' sitt ijiem

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Il-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa ta’ Tas-Sliema għal darb’oħra reġgħu kienu strumentali biex salvaw il-ħajja ta’ anzjan li kien ilu mitluq fl-art fuq madum kiesaħ minn nhar il-Ħadd li għadda. Dan wara li nhar l-Erbgħa, 24 ta’ Diċembru li għadda l-Pulizija mill-istess Distrett sabu anzjan ieħor li wkoll ilu instab fl-art mitluf minn sensih tant li għall-ewwel ħasbuh li kien mejjet.

Illum waranofsinhar, għall-ħabta tas-1.15 p.m., il-Pulizija ġew informati minn “helper” li tmur tgħin li Joseph Pantaleresco ta’ 91 sena li meta marret biex tnaddaflu, l-anzjan ma rrispondix. L-anzjan jgħix waħdu f’maisonette taħt il-livel tat-triq f’Tas-Sliema stess.

Fuq il-post marru l-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema mmexxijin mill-Ispettur Jonathan Ransley flimkien mas-Surġent David Sant. Wara li ħabtu diversi drabi u ma kienx hemm risposta, il-Pulizija ttawwlu mill-kaxxa tal-ittri u PS Sant reġa’ sejjaħ lill-anzjan. Kien hawn li l-Pulizija semgħu l-krib ta’ Pantaleresco.

Għaldaqstant il-Pulizija sgassaw il-bieb meta raw li l-anzjan kellu bżonn l-għajnuna immedjata. Kif daħlu sabu lir-raġel mitluq fl-art fuq il-madum. Huwa qal li f’xi ħin nhar il-Ħadd li għadda waqa’ u saħħtu ma tatux biex jerġa’ jqum. Il-Pulizija taw lill-anzjan ftit ilma x’jixrob u għattewh bil-kutri li għandu huwa stess sakemm waslet l-ambulanza b’tim tal-Emergency Ambulance Responders (E.A.R.) u infermiera li ħadu lil Pantaleresco l-Isptar Mater Dei fejn kompla jingħata l-kura medika.

Minkejja li l-anzjan kien ilu minn nhar il-Ħadd fl-art għall-kesħa, kien illejl li għadda l-aktar li għadda minn tbatija meta t-temperatura kienet l-aktar waħda baxxa. Sorsi qrib l-Isptar Mater Dei qalu lil illum.com.mt li kieku ma kienx għall-“helper” li tieħu ħsiebu li marret tirrappor u għall-intervent f’waqtu tal-Pulizija u l-anzjan għamel illejl li ġej ukoll fl-art, probabbli li ma kienx jinstab ħaj.

Ara wkoll http://www.illum.com.mt/ahbarijiet/kronaka/39763/anzjan_masub_mejjet_iaqlaq_waqt_laess#.VKLoDAs8

 

More in Kronaka