[AĠĠORNAMENT] Miguel Camilleri f'kundizzjoni tajba - inċident fatali f’Għawdex

Żagħżugħ ta' 22 sena, Matthew Meilak, imut fuq il-post. Marru Għawdex biex jiċċelebraw is-sena l-ġdida

Miguel Camilleri (fin-nofs) u Matt Meilak (lemin) fi klabb lokali nhar il-21 ta' Diċembru li għadda
Miguel Camilleri (fin-nofs) u Matt Meilak (lemin) fi klabb lokali nhar il-21 ta' Diċembru li għadda
Matt Meilak - miet fuq il-post tal-inċident. Ritratt Facebook
Matt Meilak - miet fuq il-post tal-inċident. Ritratt Facebook
Il-karozza Peugeot
Il-karozza Peugeot
Il-Post fuq Facebook ta' Miguel Camilleri
Il-Post fuq Facebook ta' Miguel Camilleri

Aġġornament

Miguel Camilleri li kien involut fl-inċident tat-traffiku f'Għawdex fl-ewwel tas-sena, jinsab f'kundizzjoni aħjar. Dan wara li ġie operat hekk kif ġarrab xi ġrieħi li kienu wkoll serji. F'post li tefa' Camilleri fuq Facebook,  irringrazzja u wera l-appezzament tiegħu lil kull min bagħatlu x-xewqat tiegħu ta' fejqan ta' malajr. Fl-istess post, Camilleri wera d-dispjaċir kbir tiegħu għat-telfa tal-ħabib tiegħu, Matthew Meilak li tilef ħajtu f'dan l-inċident. Stqarr li għalkemm huwa ġarrab diversi ġrieħi, fosthom ksur, xejn ma huwa agħar mill-fatt li tilef lill-aktbar ħabib tiegħu li anke ddeskrivih bħala ħuh.

Aġġornament 3

Minn aktar stħarriġ li kompla jagħmel illum.com.mt jirriżulta li l-karozza kienet qegħda tinstaq minn Terrance Tanti ta’ 22 sena minn San Ġwann. Miegħu kellu lil Edward James Cole minn Tas-Sliema, Miguel Camilleri minn San Ġwann, Alexander Scerri Herrera minn San Ġwann u lil Matthew Meilak mis-Swieqi li miet fuq il-post.

Jidher li dawn kienu serjin fid-direzzjoni tar-Rabat, Għawdex, meta Tanti tilef il-kontroll tal-Peugeot hekk kif ġie f’liwja b’konsegwenza li l-karozza daret u l-ewwel impatt kien fuq il-ġenb tan-naħa tal-lemin u wara f’arblu tad-dawl.

Mad-daqqa Meilak imbeżżaq mill-karozza u sofra diversi ġrieħi fosthom l-aktar gravi f’rasu li x’aktarx kienu dawn li kkawżaw il-mewt.

Kif irrapportajna fl-ewwel parti ta’ dan l-artiklu, għall-ewwel il-Pulizija sabu erba’ persuni mhux ħamsa u ngħataw l-impressjoni li wieħed minnhom kien niżel qabel. Iżda issa qed ikun allegat li Scerri Herrera x’aktarx kien riekeb quddiem u bix-xokk li kellu fuqu tbiegħed minn fuq il-post tal-inċident. Huwa nstab aktar tard u ttieħed ukoll għall-kura medika. Nifhmu li l-ħames żgħazagħ huma kollha studenti universitarji fil-kors tal-liġi.

Il-Maġistrat Dr Joann Vella Cuschieri ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti tal-Qorti fosthom lill-Prokuratur Legali Mario Buttigieg.

Aġġornament 2

L-ewwel vittma tas-sena huwa Matthew Meilak ta' 22 sena mis-Swieqi li kien passiġġier fil-karozza misjuqa minn ħabib tiegħu.

Sadanittant fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-inċident seħħ meta vettura tal-għamla Peugeot 106 li kienet maħbuta f’ħajt u arblu tad-dawl fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur. Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li l-vettura kienet qiegħda tinstaq minn ġuvni ta’ 22 sena minn San Ġwann u flimkien miegħu kien hemm erba’ passiġġieri li lkoll għandhom 22 sena li joqgħodu San Ġwann, Tas-Sliema u s-Swieqi.

Il-Pulizija nnuttaw li ħdejn il-karozza kien hemm il-ġuvni ta’ 22 sena mis-Swieqi mixħut fl-art. Tim mediku li mar fuq il-post tal-inċident iċċertifika lil dan  iż-żagħżugħ mejjet. Il-Pulizija qalet ukoll li wieħed miż-żgħażagħ sofra ġrieħi gravi filwaqt li t-tnejn l-oħra u s-sewwiew ma ġralhom xejn.

Aġġornament 1

Minn aktar stħarriġ irriżulta li l-ġuvni li tilef ħajtu għandu 22 sena mis-Swieqi. Qed ikun allegat li l-Pulizija ġew informati li kienu ħamsa fil-karozza peress li meta telqu minn fejn kienu qed jiċċelebraw fil-fatt kienu ħames ġuvintur, iżda wieħed minnhom niżel qabel u fil-karozza kien baqa’ s-sewwieq u tlieta oħrajn li kienu rekbin fuq wara. Il-ġuvni li tilef ħajtu nstab barra mill-karozza mitluq fl-art. Anke din il-verżjoni reġgħet inbdilet tant li fil-karozza fil-fatt kien hemm erba' passiġġieri u s-sewwieq ta' 22 sena minn San Ġwann.

Fuq il-post marru wkoll il-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kellhom iqaċċtu parti mill-karozza biex inħarġu wħud minn dawk li korrew.

It-tliet persuni li sofrew diversi ġrieħi ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bi tliet ambulanzi separati. S’issa jidher li tnejn minnhom qed isofru minn ġrieħi gravi u l-ieħor jinsab taħt xokk qawwi.

L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mis-Supretendent Antonello Grech li mar ukoll fuq il-post tat-traġedja.

Iktar kmieni...

Is-sena l-ġdida bdiet b'inċident fatali f’Għawdex meta ftit aktar minn siegħa ilu, għall-ħabta tal-3.50 a.m., il-Pulizija ta’ Għawdex ġew informati li kien seħħ inċident tat-traffiku fit-triq li min-Nadur tagħti għar-Rabat. F’dan l-inċident miet fuq il-post ġuvni Malti li kien fil-kumpanija ta’ tlieta oħra. Jidher li l-erbat iħbieb kienu sejrin lura fejn kienu qed joqgħodu wara li ċċelebraw flimkien tmiem is-sena 2014 u l-bidu tal-2015.

S’issa għadhom qed jasluna d-dettalji ta’ kif seħħet din it-traġedja. Li nafu huwa li x’aktarx l-erba’ persuni kienu f’karozza meta s-sewwieq tilef il-kontroll u baqgħu deħlin b’impatt qawwi f’arblu tad-dawl. Mad-daqqa wieħed mill-ġuvintur miet fuq il-post filwaqt li t-tlieta l-oħra ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn qed jingħataw il-kura medika.

Għall-ewwel il-Pulizija kellhom informazzjoni minn wieħed minn dawk involuti li x’aktarx kienu ħamsa fil-karozza u għalhekk saret tfittxija għall-ħames wieħed. Aktar tard il-verżjoni nbidlet u qed jingħad li kienu erba’. Il-Pulizija mill-Iskwadra tal-Mobile u dawktad-Distrett xorta waħda għamlu tfittxija fl-inħawi li s’issa rriżultat fin-negattiv.

Dwar dan l-inċident fatali nfetħet inkjesta bil-Maġistrat.

S’issa għad ma għandnix dettalji dwar dawk involuti jew jekk il-vittma li tilef ħajtu hux is-sewwieq tal-karozza jew jekk hux wieħed mill-passiġġieri.

Aktar dettalji hekk kif jidħlulna. 

More in Kronaka