Sensiela ta’ serq f’Għawdex
Arrestat barrani wara li l-Pulizija ġrew warajh, tfittxija għal mara kompliċi
More in Kronaka
Arrestat barrani wara li l-Pulizija ġrew warajh, tfittxija għal mara kompliċi
F’ħidma kollettiva minn diversi taqsimiet, il-Pulizija ta’ Għawdex arrestat raġel barrani li kien se jisgassa ħanut biex jidħol jisraq. Miegħu kien hemm mara, x’aktarx li wkoll barranija li ħarbet f’direzzjoni opposta u l-Pulizija għadha qed tfittixha.
Fil-jiem li għaddew il-Pulizija Għawdxija kellha diversi rapport ta’ serq kemm minn residenzi privati kif ukoll minn negozji. Illum għall-ħabta tal-4.00 p.m. kien hemm attentat ieħor minn stationery fir-Rabat. Dak il-ħin sid il-ħanut kien fuq ġewwa tal-ħanut jipprepara biex jiftaħ meta sema’ l-bieb qed ikun sgassat.
Kif ħareġ jara x’kien qed jiġri ra raġel qed jipprova jiftaħ il-bieb, x’aktarx b’xi lieva. Kif ħareġ biex iwaqqfu, l-allegat ħalliel telaq jiġri. Dak il-ħin kien għaddej Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku u kif sid il-ħanut ġibidlu l-attenzjoni dan ħalla l-mutur u mar jiġri wara l-allegat ħalliel.
Sfortunatament ir-raġel irrnexxielu jisgiċċa u għaldaqstant intalbet l-assistenza ta’ aktar Pulizija fejn bdiet tfittxija kemm minn dawk tal-Mobile, tad-Distrett u tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.
Il-Pulizija għamlu tfittxijiet f’diversi postijiet fosthom f’post li jinsab faċċata tal-Ministeru fi Pjazza San Franġisk. Kien hawn li l-Pulizija sabu lir-raġel suspettuż li jidher li rrnexxielu jidħol minn bitħa fuq wara ta’ residenza li qed tintuża bħala uffiċini.
Ir-raġel, li x’aktarx huwa Taljan u għandu madwar 34 sena, baqa’ jinżamm arrestat għal aktar stħarriġ. Meta l-Pulizija eżaminaw filmati miġbudin minn cameras tas-sigurtá fl-inħawi, irriżulta li r-raġel li ġie arrestat huwa l-istess wieħed u li l-mara li kienet miegħu x’aktarx ukoll hija barranija peress li deheret li għandha karnaġġjon skur. S’issa l-kompliċi ta’ dan ir-raġel għadha qed tkun imfittxija. Mhux qed ikun eskluż li din il-koppja hija responsabbli wkoll għas-sensiela ta’ serq li seħħew fil-jiem li għaddew.
L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Bernard Spiteri.