Koppja barranija arrestata fuq numru ta’ serqiet

Raġel Belġjan u mara Taljana se jitressqu l-Qorti ta’ Għawdex

Il-Pulizija ta’ Għawdex waslet biex solviet numru ta’ serq li twettqu fil-jiem u ġimgħat li għaddew minn koppja barranija. Dan jikkonferma storja li żvela dan is-sit ilbieraħ wara li l-Pulizija arrestaw lir-raġel wara attentat ta’ serqa.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-arrest ta’ koppja barranija mill-Pulizija t’Għawdex wara attentat ta’ serqa wassal biex jiġu solvuti total ta’ seba’ serqiet, fosthom attentati, fl-aħħar jiem fil-Gżira t’Għawdex.

Il-koppja, raġel Belġjan ta’ 37 sena, u mara Taljana ta’ 21 sena, kienu arrestati ftit tal-ħin wara li sgassaw bieb ta’ ħanut ilbieraħ għall-ħabta tat-3.30 p.m., fi Triq Taħt Putirjal, ir-Rabat, Għawdex, fejn ġew wiċċ imbwiċċ ma’ sid l-istabbiliment. Kif raw hekk, il-ħallelin telqu jiġru, segwiti mis-sid, li ltaqa’ ma’ Kuntistabbli mis-Sezzjoni tat-Traffiku u infurmah b’dak li kien ġara. Kien għalhekk illi l-uffiċjal saq għal wara l-barranin filwaqt li sejjaħ għal aktar għajnuna. Għalkemm il-mara ħarbet, ir-raġel kien arrestat f’bitħa ta’ fabbrika antika. Madankollu, aktar investigazzjonijiet wasslu biex il-mara tiġi identifikata u arrestata wkoll illum.

 L-istess investigazzjonijiet irriżultaw li l-istess koppja kienu nvoluti fi tliet serqiet u żewġ attentati minn ħwienet ilbieraħ mir-Rabat, Għawdex. Jirriżulta wkoll li kienu wettqu wkoll żewġ serqiet oħra x-xahar li għadda minn Għajnsielem.

More in Kronaka